Angele Cuschieri: 'Is-sapport huwa nofs il-fejqan'

L-ILLUM titkellem ma’ Angele Cuschieri, il-President ta’ Puttinu Cares u tixħet dawl fuq ix-xogħol li twettaq biex Puttinu jgħin lil kull minn għandu bżonn

Kif beda Puttinu Cares? U x’ħajrek tintegra fih? 

Puttinu Cares beda minn Rennie Zerafa, li llum huwa Kap Eżekuttiv, u Dr Calvagna, li kien l-ewwel konsulent u pedjatru tat-tfal morda bil-kanċer.  

Jien, wara li gradwajt bdejt naħdem bħala infermiera u darba kont inzertajt qed naħdem shift ma’ Rennie, u meta tara dak l-entużjażmu tiegħu u passjoni biex jgħin lil dawn it-tfal u l-ġenituri, awtomatikament bdejt ngħinu fl-attivitajiet dakinhar. Konna norganizzaw BBQs, norganizzaw festini tal-Milied u nżejnu l-ward. Rennie ħajjarni u litteralment ġegħelni nidħol għal Puttinu, qalli “Int għall-kumitat”. 

Kellna relazzjoni tajba għaliex mal-ewwel qbilna. Puttinu kienet xi ħaġa li qbilna fiha mal-ewwel.  

X’inhuma l-proġetti li qed taħdmu fuqhom bħalissa? 

Għalissa għandna proġett li huwa daqsxejn kbir u ambizzjuż. Peress li ma bqajniex niffukaw biss fuq tfal biss, imma biż-żmien ftaħna anke għaż-żgħażagħ u l-adulti, aħna dejjem mimlijin. Apparti l-għoxrin appartament li diġà għandna ġewwa Sutton imqassam f’żewġ binjiet, nikru sitt appartamenti oħra u dejjem mimlijin. 

Ovvjament, la darba tiftaħ is-servizz, tiftaħ l-għajnuna u l-bżonn jikber u anke l-kura barra minn Malta kibret, fejn qabel konna nibagħtu bejn 20/30 pazjent fix-xahar Londra, dik ir-rata ttriplikat. Bħalissa qed nibagħtu madwar 90 pazjent fix-xahar l-Ingilterra.  

Allura wara studju indunajna li l-maġġoranza tal-pazjenti jmorru ġoċ-ċentru ta’ Londra fejn hemm ħafna sptarijiet fosthom in-National Hospital tal-moħħ u Moorfields, u wara seba’ snin tfittxija rnexxielna nsibu binja li qiegħda biss għaxar minuti mixi bogħod mill-isptarijiet. Issa ilna sena li xtrajnieha l-binja u nixtiequ li nagħmlu 27 appartament. Li għandna tajjeb, u importanti din, li l-art hija bla ċens. Fl-Ingilterra l-art hija kollha tar-reġina. Dejjem ridna nonfqu l-fondi pubbliċi bil-għaqal sabiex il-proġett jibqa’ hemmhekk għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  

Organizzajna maratona ta’ ġbir ta’ fondi li se ssir nhar il-Ġimgħa l-Kbira u se tixxandar dirett fuq it-televiżjoni. Din il-maratona se tgħinna biex inwettqu dan il-proġett li jammonta għal 2.5 miljun ewro.  

Il-pazjenti jgħaddu minn tbatija ta’ kimoterapija, trattamenti, eċċ, però kif taraw dan kollu jaffettwa lill-ġenituri? 

Il-ġenituri jeħduha ħażin. Ħadd mill-ġenituri ma jixtieq jara lil uliedu jimrad lanqas b’riħ aħseb u ara kanċer. It-tbatija tat-trattament u anke l-fatt li huwa kanċer, dan huwa ta’ theddida fuq il-ħajja u l-bniedem għandu ċans li jitlef ħajtu. Tajjeb ngħidu wkoll li 80% tat-tfal li jimirdu bil-kanċer ifiqu u dik għalija hija inkoraġġanti ħafna.  

Inħobbu ngħidu li l-Malti huwa ġeneruż. Il-poplu Malti kif jista’ jgħin lil Puttinu Cares? 

Il-poplu Malti u Għawdxi, għalkemm aħna żgħar ħafna, qed nagħmlu unur lil pajjiżna barra minn Malta. L-Ingliżi stess jiskantaw kif qed jirnexxilna minn popolazzjoni daqshekk żgħira nagħmlu proġetti daqshekk kbar li jiswew il-miljuni, u li tmantnih u tagħti s-servizzi kompletament b’xejn. Aħna nħallsu għall-kontijiet kollha, tad-dawl, tal-ilma, tal-internet. Il-pazjent ma jħallas xejn. Idum kemm idum – ġimgħat, xhur, snin. U nħallsu wkoll għall-familja tal-pazjent għaliex is-sapport huwa nofs il-fejqan u f’dawk il-mumenti li jkollok il-familja viċin hija bżonn għall-pazjent.  

In-natura tal-Maltin hija ġeneruża, b’qalb kbira. Avolja żgħar u jgħidulna li aħna tikka fil-Mediterran, qalbhom kbira ħafna.   

Kemm jgħin nies fis-sena Puttinu? 

Tul is-snin, Puttinu għen mijiet ta’ familji. Biss biss, 90 pazjent jitla’ Londra fix-xahar. Nixtiequ li ngħinu lil kollha kemm huma u lil kull pazjent li jkollu bżonn jitla’ l-Ingilterra, li jsib appartament jistennieh b’saqaf fuq rasu fejn ma jħallas xejn għall-akkomodazzjoni. Puttinu jgħin lil kull min jiġi bżonn akkomodazzjoni barra minn Malta. L-akkomodazzjoni fl-Ingilterra, l-iktar fiċ-ċentru, tiswa eluf bejn 6,000-8,000 fix-xahar.    

Tista’ taqsam magħna xi memorja li baqgħet imnaqqxa f’moħħok?  

Għandi ħafna memorji li jibqgħu mnaqqxin f’moħħi għaliex tul dawn l-20 sena li ilni naħdem ma’ dawn il-pazjenti, hemm ħafna memorji li jġibu ferħ kif ukoll niket. Però naħseb waħda mill-isbaħ memorji hija meta rnexxielna nsibu din il-binja.  

Anki kull darba li jfiq pazjent għalina dik hija ġurnata ta’ ferħ għaliex aħna narawhom jikbru, jiggradwaw, jiżżewġu u jistidnuna għat-tieġ, u jkollhom it-tfal. Kull meta mmur tieġ, dawk il-memorji jibqgħu miegħek. Anke dawk li jħalluna jibqgħu mnaqqxa f’qalbna u l-imħabba li jkunu għallmuna nġorruha tul ħajjitna.  

Min hi dik il-persuna li tispirak biex tibqa’ għaddejja f’dan ix-xogħol? 

Meta nara l-pazjenti daqsekk żgħar jieħdu trattament iebes u xorta jibqgħu jidħlu ħdejna u jitbissmu u jħarsu b’mod pożittiv ’il quddiem – dawk huma nies li jispirawna. Il-pazjenti stess jispirawna u l-imħabba bla kundizzjoni tal-ġenituri tagħhom li jkunu abbandunaw kollox biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom.    

B’ħarsa ’l quddiem, x’hemm pjanat għal Puttinu? Hemm xi proġetti li tixtiequ twettqu? 

Għandna biċċa art il-Mosta li nixtiequ niżviluppaw. Għandna x-xewqa li din niżviluppawha f’ċentru ħolistiku fejn il-pazjenti jkunu segwiti tul it-traġitt kollu tagħhom mill-bidu sal-aħħar. Anke wara li jkunu fiequ u ħelsu mit-trattament. Anke jekk sfortunatament il-pazjent iħallina, nibqgħu nsegwu lill-familjari ta’ dawk il-pazjenti. Dan isir billi, fost oħrajn, noffrulhom servizzi ta’ psikoloġija u gruppi ta’ sapport.  

More in Socjali