Il-Partit Nazzjonalista (PN) esprima tħassib dwar studju riċenti li wera li żgħażagħ Maltin huwa l-inqas ferħanin fl-Ewropa. Il-PN ikkritika lill-Partit Laburista “li kien ikun aħjar li kieku fi 11-il sena, ħoloq imqar niċċa ekonomika ġdida waħda adattata għad-dinja tal-lum.”
Il-PN kompla jgħid li huwa aktar inkwetanti “meta jinnota kif il-Gvern ta’ Robert Abela mhu qed jagħmel xejn biex jara li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom futur isbaħ f’pajjiżna stess.”
Il-PN kompla jgħid li l-gvern ma għażilx li jinvesti fiż-żgħażagħ iżda minflok “ipprefera jimporta l-ħaddiema barranin.”
Min-naħa l-oħra, il-PN irid joħloq setturi ekonomiċi ġodda b’investiment ibbażat fil-metaverse, fir-robotika, fl-ipprintjar 3D, fl-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, fl-e-sports u fil-produzzjoni ta’ video games, fost oħrajn.
“Bl-istess mod, iż-żgħażagħ tagħna jrid li jkollhom ambjent aktar san, kif ukoll li jgħixu f’pajjiż sigur u f’pajjiż li ma jkunx maħtuf mill-korruzzjoni. Affarijiet li, fl-aħħar 11-il sena, il-Gvern Laburista falla fihom u li issa, se jkollu jkun Gvern ġdid Nazzjonalista li jaħdem biex f’pajjiżna ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar.”