Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċiħabbar li l-Malta Enterprise qed testendi d-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-Micro Invest għal individwi self-employed sal-10 ta’ April 2024.
L-applikazzjonijiet għall-iskema Micro Invest jistgħu jiġu sottomessi permezz tal-client portal tal-korporazzjoni.
L-iskema tħeġġeġ lin-negozji ż-żgħar biex jinvestu fl-innovazzjoni, l-espansjoni, u l-iżvilupp tal-operazzjonijiet tagħhom. L-impriżi li jibbenefikaw minn din il-miżura se jiġu appoġġati permezz ta’ kreditu ta’ taxxa kkalkulat bħala perċentwal tan-nefqa eliġibbli, li jkopri wkoll iż-żieda fl-ispejjeż tal-pagi.
Dawk eliġibbli għal din l-iskema huma dawk li jaħdmu għal rashom, il-mikrointrapriżi, in-negozji ġodda, u l-SMEs li jimpjegaw sa 50 persuna.
Il-Malta Enterprise tista’ tapprova kreditu ta’ taxxa ekwivalenti għal 45% tan-nefqa eliġibbli favur kull impriża. Il-massimu ta’ krediti ta’ taxxa eliġibbli għal kull impriża hu għal massimu ta’ €50,000 fuq tliet (3) snin fiskali konsekuttivi, li jibdew minn spejjeż eliġibbli mħallsa matul is-sena ta ’qabel is-sena li fiha tiġi ppreżentata t-talba. Il-limitu massimu jiżdied b’€20,000 (għal total ta’ €70,000) għal impriżi li jew joperaw minn Għawdex; dawk reġistrati bħala negozju tal-Familja; jew li għandhom aktar minn 50% tal-ishma attribwita lill nisa.
Dan l-aħħar l-iskema ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2026 bil-għan li tkopri l-ispejjeż li saru fl-2023 u fl-2024. Dan wara l-pubblikazzjoni ta’ regolamenti ġodda mill-Kummissjoni Ewropea, li stabbilew il-limitu massimu tal-għajnuna imsejħa ‘de minimis’ fuq perjodu ta’ 3 snin se jogħla għal €300,000. Il-limitu massimu qabel din l-aħħar bidla kien ta’ €200,000. Aktar informazzjoni dwar l-iskema tinsab fuq: https://www.maltaenterprise.com/support/micro-invest.
L-applikazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu permezz ta’ din il-ħolqa: https://clientportal.maltaenterprise.com/login.