€3.1 miljun jinġabru għal Puttinu Cares
komunitajiet madwar Malta ngħaqdu flimkien matul il-Ġimgħa il-Kbira biex jappoġġjaw lil Puttinu Cares fejn somma totali ta’ €3,177,135 inġabru.

minn Luigi Sghendo

komunitajiet madwar Malta ngħaqdu flimkien matul il-Ġimgħa l-Kbira biex jappoġġjaw lil Puttinu Cares fejn somma totali ta’ €3,177,135 inġabru.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, it-teletona tal-ġbir ta’ fondi kienet imxandra diretta fuq l-istazzjonijiet kollha. It-teletona ġabret €3.1 miljun f’donazzjonijiet.
Il-ġimgħa bdiet bil-mixja annwali tal-karità ‘il-Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira’, tradizzjoni għażiża li rat eluf ta’ parteċipanti jimbarkaw fuq vjaġġ ta’ 17-il kilometru. Ir-rotta ta’ din is-sena ħadet il-parteċipanti mix-Xemxija għal: San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħal Lija, Birkirkara, l-Imsida, l-Pietà fejn finalment intemmet fil-Fosos tal-Furjana. Kull persuna ta donazzjoni ta’ €10 għall-kawża, u b’kollox inġabru €92,500 waqt l-attività.


Puttinu Cares esprima gratitudni mill-qalb lill-parteċipanti li ħadu sehem fil-mixja tal-karità u lil dawk kollha li taw sehemhom fit-teletona. L-organizzazzjoni enfasizzat li kull donazzjoni, irrispettivament mid-daqs, tagħmel differenza sinifikanti fil-ħajja tal-familji li qed jiġġieldu l-kanċer.
Angele Cuschieri President ta’ Puttinu Cares tkellmet ma’ din il-gazzetta fejn spjegat il-proġetti li Puttinu Cares għandu ppjanat. Dan jinkludi 27 appartament ġdid f'Sutton. Barra minn hekk, Cuschieri qalet li madwar 90 pazjent fix-xahar jintbagħtu Londra għal kura.



