Delizzji Maltin: Il-misteru tal-fidi tar-reffiegħa
Fil-qalb dak li jagħmilna Maltin hemm tapizzerija ta’ delizzji u eku ta’ tradizzjonalità. Fl-ewwel installazzjoni minn din is-sensiela ġdida, Luigi Sghendo jitkellem ma' Claudio Spiteri, reffiegħ fil-Ġimgħa l-Kbira
minn Luigi Sghendo
Fil-Ġimgħa l-Kbira knejjes madwar il-pajjiż jagħmlu tifkira Solenni tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej li matulha jiddomina s-skiet u l-ġabra, bil-għan li l-Insara jirriflettu u jipparagunaw ħajjithom mat-tbatija ta’ Ġesù.
Żort il-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi fejn iltqajt ma’ Claudio Spiteri, reffiegħ b’esperjenza ta’ 16-il sena li għarrafni fuq il-ħidma u s-sagrifiċċju li jitwettaq kull sena biex ir-raħal jingħaqad u jirrifletti.
Staqsejtu minn fejn inkisbet il-passjoni li jkun reffiegħ. Spiteri jispjega kif minn dejjem jiftakar jimita r-reffiegħa, flimkien ma’ ħuh. Huwa spjega kif nannuh kien jgħallimhom u kien ta’ ispirazzjoni, tant li fi tfulitu jiftakar lil nannuh iqiegħed żewġ lasti tal-injam bi statwa ċkejkna fuqhom biex jipprattikaw.
“Hawnhekk għandna tradizzjoni li t-tfal minn età żgħira ndarruhom, kemm subien u bniet. Fil-purċissjoni tat-tfal joħorġu bil-vari u jkun hemm il-bniet, iżda fil-festi tal-irfigħ tal-Ġimgħa l-kbira u festi oħrajn ikun hemm irġiel biss.”
U kif beda’ jerfa’? Spiteri jirrakkonta kif darba fost l-oħrajn żar l-istatwa tar-Redentur ġewwa San Vinċens De Paul u ċeda għat-tentazzjoni li jipprova jerfagħha. Minn hemm għaraf li jixtieq ikompli din it-tradizzjoni u ltaqa’ mar-Rettur (il-mexxej tal-Fratellanza) u minn hemm aċċettah biex jingħaqad. Spiteri spjegali l-iskaluni li wieħed għandu jitla’ biex attwalment isir reffiegħ.
“Biex tintgħażel għal reffiegħ jirrikjedi li tagħmel minimu ta’ sentejn servizz mingħajr ma’ terfa’, u b’kollox irid ikollok attendenza ta’ mhux inqas minn 51%” spjega Spiteri.
Il-mistoqsija li baqgħet tidwi f’moħħi kienet ir-raġuni, il-motivazzjoni li tipperswadi individwu li jagħżel li jerfa’. Spiteri sostna li tkun ġo fik u jekk ma tkunx dilettant, ma terfax, u għalhekk hija importanti li tinbet fik id-determinazzjoni. Filwaqt li ammetta li bħal kulħadd mhux l-ewwel darba li ħasibha hekk ikunx reffiegħ, huwa f’lejlet l-avveniment li kull darba jerġa’ jinħakem mill-ħajra li jkun reffiegħ.
“Għalina l-pożizzjoni ta’ reffiegħ ma tintiritx, imma tagħmilha għax tħobb ir-refgħa u aħna l-Qriema msemmijin, tant li ġieli mmorru ngħinu f’avvenimenti oħra.”
Spiteri kompla jispjega kif il-fratellanzi jagħżlu gajjiet, grupp ta’ ħamsa b’tul simili, imbagħad jimxu b’sistema ta’ roster fejn kull vara tintrefa’ minn żewġ gajjiet.
“Fil-każ tagħna jiġi l-kumitat tas-sagrament, jagħżel gaj u jgħidilna liema vara se nġorru. Finalment jistaqsuk jekk taċċettax li ġġorr tali vara,” temm jispjega Spiteri.
Il-Ġimgħa l-Kbira tikkonsisti f’għadd ta’ purċissjonijiet b’numru ta’ vari li joħorġu minn diversi knejjes li jfakkruna fit-tbatija li għadda minnha Kristu. Għal Spiteri, il-Ġimgħa l-Kbira hija l-iktar festa importanti, iktar minn San Ġorġ, il-festa ċċelebrata mill-parroċċa fejn jgħix Spiteri.
Spiteri sostna l-importanza tal-kejl tat-tul, mhux biss għall-ħwejjeġ iżda wkoll biex isiru l-arranġamenti neċessarji biex ilkoll ikunu kemm jista’ ikun tal-istess tul.
Fost l-arraġamenti hemm, li jiddaħħal feles bejn il-bradella u il-bastun. Il-feles huwa biċċa njama li tkun maqtugħa mill-oħxon għax-xejn f’għamla ta’ żurżieqa.
Rigward ilbies huwa spjega kif il-Konfrattija f’Ħal Qormi San Ġorġ tkun maħsula bil-lamtu, il-kappa tkun bajda, kurdun abjad, kalzetti suwed u żarbun iswed.
Punt li sibt interessanti waqt l-intervista ma’ Spiteri kien il-livell ta’ professjonalità li jidħol f’avvenimenti bħal dawn fejn saħansitra kemm il-kulur u t-tip ta’ fjuri li jitpoġġew fuq il-vari jiġu deċiżi minn qabel.
“Għandek il-vjola u l-abjad, idealment jintużaw il-fjuri tal-qronfol,” spjegali Spiteri.
Barra minn hekk Spiteri semma d-dawl li wkoll jilgħab irwol fil-vara fejn jintuża biex idawwal il-fjuri, kif ukoll wiċċ il-persuni tal-istatwa li tenfasizzalhom l-emozzjonijiet.
Finalment Spiteri għalaq u semma wħud mill-fatturi li jiddinstingwihom minn ħaddieħor.
F’Ħal Qormi spjega li għandhom il-vara tal-aħħar ċena, unika għall-parroċċi f’Malta. Din hija waħda mill-itqal statwi. Hemm ukoll id-Duluri li din is-sena hu kien qed jerfa’.
Fl-aħħar, Spiteri elenka l-isfidi meta t-toqol jirbaħ fuq l-isfidi fit-triq, bħall-inżul u t-tlajja’ fit-toroq, wires tad-dawl, u l-agħar, meta jibda l-uġigħ tal-injama taqsam il-laħam fuq spalltek.