Numru ta’ residenti ħarġu fit-toroq tal-Belt Valletta s-Sibt filgħodu, jipprotestaw kontra dak li huma sejħu bħala invażjoni ta’ art pubblika mifruxa madwar Malta.
Il-protesta, li fiha ħadu sehem numru ta' NGOs inkluż Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), għandha l-għan li tindirizza t-tfixkil tal-ispazji komunali, id-diżorganizzazzjoni, l-illegalitajiet u t-tniġġis tal-istorbju fil-lokalitajiet Maltin.
Id-dimostranti saħqu li madwar il-gżejjer ċkejkna tagħna, art pubblika qed tinħataf mis-settur privat biex jitqiegħdu l-imwejjed u siġġijiet fuq il-bajjiet, bankini u pjazzez.
Il-kandidat indipendenti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Arnold Casssola għamel referenza għad-diskors tal-President il-ġdida Myriam Spiteri Debono waqt il-ġurament tal-ħatra tagħha nhar il-Ħamis li għadda.
Hu kwotaha titkellem fuq persuni li nħatfu mill-vizzju tar-rebgħa, f’dik li iddiskriviet bħala "marda li qed tiknes lin-nazzjon."
Waqt il-protesta, il-belt kapiitali ġiet deskritta bħala belt okkupata minn nies li l-uniku interess tagħhom huwa lilhom infushom u l-buthom. Saru wkoll sejħiet biex il-kunsill lokali tal-Belt Valletta jingħata d-dritt joħroġ kontra permessi maħruġa mill-gvernijiet reġjonali, jew awtoritajiet tal-gvern.
Preżenti ukoll kien hemm iċ-Chairperson tal-ADPD u kandidata għall-elezzjonijiet tal-MPE Sandra Gauci.
Hija tkellmet dwar din is-sitwazzjoni li qed isir ukoll f’San Pawl il-Baħar. Hawnhekk, qalet, l-invażjoni tal-bajjiet u l-pjazzez ifisser li n-nies issa jridu jħallsu biex igawdu postijiet li kienu ħielsa għall-pubbliku. Hi ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala "inaċċettabbli."
Gauci kompliet tgħid li din is-sitwazzjoni hija sintomu ta’ fallimenti tal-istat fir-rigward tal-infurzar.
Intant, Astrid Vella mill-organizazzjoni Flimkien għal Ambjent Aħjar innotat li l-bajjiet ilhom protetti bħala spazji pubbliċi minn żmien ir-Rumani u li għandhom jinżammu pubbliċi. Vella qalet li minkejja li tisma’ numru ta’ diskorsi politiċi li jisħqu dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità, dawn in-nies mhumiex fil-libertà li jimxu fuq bankina mingħajr ma jiltaqgħu ma’ ostakli.
Dawk preżenti appellaw liż-żewġ naħat tal-parlament u lill-kunsilli lokali biex jibdew b'mod kollettiv jieħdu dawn il-kwistjonijiet bis-serjetà.