Ċentru terapewtiku għal żgħażagħ b’imġiba ħażina li kien se jsir l-Imtarfa u li qajjem kontroversja kbira fil-komunità, mistenni jsir x’imkien ieħor. Il-gazzetta Illum hija nfurmata li kien hemm direzzjoni interna fil-gvern li minflok iċ-ċentru jsir fl-Imtarfa tinstab alternattiva li idealment tkun tinkorpora l-użu ta’ bini jew faċilitajiet diġa’ eżistenti. Jidher li din is-soluzzjoni nstabet bil-post magħżul huwa wieħed li mhux fil-qalba ta’ ebda komunità u fejn diġa’ hemm bini eżistenti.
Dan iċ-ċentru terapewtiku huwa wieħed bżonnjuż ħafna għal pajjiżna u għandu għan soċjali qawwi. Huwa wkoll proġett li jista’ jigwadanja minn fondi ewropej. Iżda l-għażla tal-post tiegħu fl-Imtarfa qajmet rabja kbira fost ir-residenti tal-Imtarfa.
Ir-residenti qalu li l-gvern kien se jibnilhom ħabs fl-Imtarfa f’wieħed mill-aqwa postijiet fil-lokal u laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ uffiċjali tal-gvern kienu jaħarqu ħafna, fejn kien hemm anke rabja kbira.
Sorsi viċin il-gvern qalu li dan il-post m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li ssejjaħ ħabs u huwa parti importanti mill-istrateġija għar-rijabilitazzjoni ta’ żgħażagħ bi problemi fis-soċjetà. Fl-istess ħin fehmu li jista’ jkun hemm soluzzjonijiet newtrali jintlaħaq l-għan nobbli tal-proġett b’kunsens iktar wiesgħa bejn kulħadd. Hu mifhmu li d-diskussjonijiet interni tal-aħħar xhur, li anke kienu jinvolvu s-Sindku tal-lokal, waslu għal soluzzjoni li mistennija tkun issiġġilata fil-jiem li ġejjin.