Eurostat: Persuni b’edukazzjoni għolja iktar kuntenti finanzjarjament u personalment

Statistika tal-Eurostat żvelat rabta bejn l-edukazzjoni għolja u l-kuntentizza kemm finanzjarja u anke personali. Inti taqbel?

(Ritratt: Andrea Piacquadio / Pexels)
(Ritratt: Andrea Piacquadio / Pexels)

Statistika tal-Eurostat din il-ġimgħa żvelat rabta bejn l-edukazzjoni għolja u l-kuntentizza, kemm fir-relazzjonijiet li wieħed ikollu finanzjarjament u anke personali. 

Is-sodisfazzjon b’sitwazzjonijiet finanzjarji, skont din l-istatistika, fl-2022 varja minn 6% fost dawk b’edukazzjoni sekondarja, għal 7.1% fost dawk b’edukazzjoni terzjarja.  

Id-differenzi kienu inqas evidenti fis-sodisfazzjon tar-relazzjonijiet personali, b’punteġġi li jvarjaw minn 7.6% fost dawk li għandhom edukazzjoni sekondarja, għal 8% fost dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja. 

Mill-banda l-oħra, is-sodisfazzjon bl-użu tal-ħin liberu, wera xejra bil-maqlub hekk kif dawk b’kisbiet edukattivi aktar baxxi rrappurtaw sodisfazzjon ftit żgħira ogħla, b’punteġġ ta’ 6.9% għall-edukazzjoni sekondarja, segwita minn 6.8% għall-edukazzjoni għolja, u 6.6% għall-edukazzjoni terzjarja. 

Fl-2022 ukoll, il-medja tas-sodisfazzjon ġenerali tal-ħajja fl-UE kien ta’ 7.1%. Dan immarka tnaqqis żgħir meta mqabbel mal-2018 (7.3%) u viċin dak tal-2013 (7%). 

Barra minn hekk, l-istħarriġ żvela li b’mod ġenerali, in-nies kienu iktar sodisfatti bir-relazzjonijiet personali tagħhom (7.8%) milli bil-pożizzjonijiet finanzjarji personali (6.6%). 

Is-sodisfazzjon bil-finanzi personali żdied b’mod sinifikanti bejn l-2013 (b’punteġġ ta’ 6.0%) u l-2018, u baqa’ stabbli sal-2022 (6.6%). Is-sodisfazzjon bir-relazzjonijiet personali baqa’ għoli u ġeneralment stabbli matul il-perjodu 2013-2022 b’żieda sostanzjali ta’ 8.0% fl-2018. 

L-istħarriġ ġie bbażat fuq skala minn 0 (mhux sodisfatt xejn) għal 10 (sodisfatt għalkollox). 

Stħarriġ riċenti li sar mill-gazzetta oħt, MaltaToday, f’Jannar li għadda ntweriet bidla fis-sentiment, b’sens ta’ ottimiżmu li qed jikber gradwalment fil-kuxjenza pubblika.  

Filwaqt li l-maġġoranza sostanzjali għadha temmen li l-pajjiż ħa direzzjoni ħażina (60.5%), kien hemm żieda f’dawk li jemmnu li l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni t-tajba fejn telgħet minn 31% f’Ottubru għal 39.5% sa Jannar li għadda. 

L-istħarriġ issuġġerixxa wkoll mewġa mġedda ta’ pożittività, partikolarment fost demografiċi ta’ età medja u anzjani. 

L-ottimiżmu żdied notevolment fost individwi ta’ bejn is-36 u l-50 sena, li x’aktarx jinkludu professjonisti u ġenituri. 

Bl-istess mod, fost dawk li għandhom bejn 51 u 65 sena, l-ottimiżmu ra żieda minn 34% għal 44%. Anke l-pensjonanti, filwaqt li huma ftit inqas ottimisti, iżommu prospetti favorevoli, b’46% għadhom jemmnu fid-direzzjoni pożittiva tal-pajjiż. 

 

More in Socjali