L-Awtorità tal-Ipjannar approvat il-permess għall-estenzjoni ta’ sitt sulari fuq l-appartamenti ikoniċi tal-Brittania f’Tas-Sliema.
Il-blokka residenzjali, li tistrieħ f’Triq it-Torri, kantuniera ma Trejqet Luzju, u triq Amerry, hi twila erba’ sulari diġà.
Il-permess huwa wieħed ‘outline’, li jfisser li l-PA approvat l-iżvilupp fil-prinċipju bl-iżviluppaturi għad iridu jippreżentaw pjanijiet dettaljati f’applikazzjoni sħiħa ta’ żvilupp li għandha tiġi approvata fi stadju ‘l quddiem.
L-estensjoni se tippermetti lill-applikant jibni 10 appartamenti fuq il-bini eżistenti. L-appartamenti se jkunu mifruxa fuq ħames sulari addizzjonali u livell penthouse.
Inizjalment l-uffiċjal tal-każ kien irrakkomanda rifjut tal-applikazzjoni għal raġunijiet ta' saħħa u raġunitajiet sanitarji, minħabba l-għoli tal-bini meta mqabbel mal-isqaq dejjaq.
Residenti li oġġezzjonaw għall-iżvilupp kienu qajmu kwistjonijiet ta’ privatezza dwar l-aperturi proposti li jagħtu fuq Trejqet Luzju peress li dawn ma jirrispettawx id-distanza meħtieġa mir-regolamenti sanitarji. Din kienet ukoll waħda mir-raġunijiet ikkwotati mill-uffiċjal tal-każ għal rifjut.
Fil-fatt l-approvazzjoni ngħatat b’kundizzjoni li jiġu esklużi gallariji lil hinn mil-linja tal-bini fuq it-Trejqet Luzju.
Il-binja nbniet fil-bidu tas-seklu 20 u hija waħda mill-ftit binjiet li tħallew mhux mittiefsa, destin li bosta townhouses tal-akwata ma gawdewx minnu.