Statistika tal-Eurostat tindika li fl-2023 ir-rata ta’ dawk bejn il-25 u l-34 sena tal-gradwati laħqet is-46%. Dan kien ifisser li għall-ewwel darba r-rata ta’ pajjiżna qabżet il-medja Ewropea. Din tal-aħħar kient tlaħħaq it-43% biss.
Bir-riżultat miksub, Malta qabżet il-mira tal-Unjoni Ewropea li sal-2030 jkun hemm rata ta’ gradwati li taqbeż il-45% tal-popolazzjoni ta’ bejn il-25 u l-34 sena. Hemm 12-il pajjiż ieħor biss fl-Unjoni Ewropea li bħal Malta qabeż il-mira tal-istrateġija EU2030.
Ir-rata ta’ gradwati rġiel f’Malta hi ta’ 41%, jew ferm aktar minn 38% madwar l-Ewropa. Fost in-nisa f’Malta r-rata hi ta’ 54%, filwaqt li l-medja Ewropea hija ta’ 49%.
Fl-2012 ir-rata ta’ gradwati f’pajjiżna kienet ta’ 28% biss, mentri dik fl-Unjoni Ewropea kienet 34%. Dan ifisser li tul amministrazzjonijiet Laburisti, mhux biss ir-rata ta’ gradwati kważi rdoppjat, imma minn sitwazzjoni fejn pajjiżna kien taħt il-medja Ewropea, issa din inqabżet.