Wieħed minn kull sitta f'Malta kienu f’riskju ta’ faqar fl-2023
Ċifri mill-istħarriġ tal-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien juru li 88,462 persuna kienu f’riskju ta’ faqar fl-2023
minn Marianna Calleja
Wieħed minn kull sitt persuni f’Malta kienu f’riskju ta’ faqar is-sena li għaddiet, skont informazzjoni maħruġa nhar l-Erbgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Ċifri mill-istħarriġ tal-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien juru li 88,462 persuna (16.6%) kienu f’riskju ta’ faqar. Dan huwa tnaqqis ta’ 0.1% fuq l-2022.
Ħamsa (22%) ta’ dawk f’riskju ta’ faqar kellhom inqas minn 18-il sena – żieda ta’ 2.7 punti perċentwali mis-sena ta’ qabel.
Sadanittant ġie osservat tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali fost persuni ta’ bejn it-18 u l-64 sena, bir-rata ta’ din l-età tinżel għal 12.1% fl-2023.
Ir-rata għal dawk li għandhom 65 sena jew aktar niżlet għal 29%, ekwivalenti għal tnaqqis ta’ punt perċentwali.
Żieda fin-nies li ma jaffordjawx iħallsu spejjeż mhux mistennija
L-indikaturi ta’ faqar materjali u soċjali huma bbażati fuq 13-il punt.
Għandek seba’ punti relatati mad-dar, jew mal-ambjent ta’ persuna. Dawn jinkludu spejjeż mhux mistennija, ħlas ta’ vaganza annwali ta’ ġimgħa, l-evitar ta’ arretrati bħala kera, u kontijiet ta’ utilità, li tiekol ikla bilanċjata ta’ laħam u ħaxix frekwentement, li żżomm l-akkomodazzjoni tiegħek f’temperatura sħuna, u li tkun tista’ tbiddel għamara meta tinkiser.
Is-sitt punti l-oħra huma relatati mal-persuna nnifisha. Dawn jinkludu fost l-oħrajn, li tbiddel il-ħwejjeġ u ż-żraben meta jkollok bżonn, li tiddeverti, u li tonfoq somma żgħira fuqek innifsek.
Meta mqabbla mal-2022, l-ogħla żidiet ta’ faqar fl-2023 ġew irreġistrati fil-grupp ta’ dawk li wieġbu u qalu li f’darhom ma jaffordjawx ikla bilanċjata b’laħam, tiġieġ, jew ħut kull tieni jum tal-ġimgħa, u dawk li d-dar tagħhom sabuha diffiċli biex jaffaċċjaw spejjeż finanzjarji mhux mistennija.
Persuni f’riskju ta’ faqar juru biċ-ċar li mdejqin bil-ħajja li qed jgħixu
Fuq skala minn żero għal għaxra, fejn iż-żero jirrappreżenta xejn sodisfatt, u l-għaxra jirrappreżenta kompletament sodisfatt, dawk li wieġbu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali rrappurtaw punteġġi medji aktar baxxi fejn jidħol is-sodisfazzjon tagħhom bil-ħajja ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja, l-impjieg attwali, u r-relazzjonijiet personali meta mqabbla ma’ dawk li mhumiex f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Il-punteġġi medji għas-sodisfazzjon ġenerali dwar ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali kienu kemxejn ogħla fl-2023 meta mqabbla mal-2022.
B’mod partikolari, fl-2023 dawk li wieġbu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali rrappurtaw punteġġ medju ta’ sebgħa għas-sodisfazzjon tal-ħajja ġenerali tagħhom – żieda ta’ 0.2 punti mill-2022 u punteġġ medju ta’ 6.2 għas-sodisfazzjon tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, li ssarraf f’żieda ta’ 0.4 punti.
Irrappurtaw ukoll punteġġ medju ta’ 7.4 għas-sodisfazzjon tax-xogħol attwali tagħhom – żieda ta’ 0.1 punti mill-2022, u punteġġ medju ta’ 8.5 għas-sodisfazzjon tar-relazzjonijiet personali, li jirrappreżenta żieda ta’ 0.3 punti.