Il-paga u l-isterjotipi Maltin qed iżommu n-nisa vulnerabbli għall-faqar

Statistika wriet kif fl-2023 in-nisa baqgħu l-aktar vulnerabbli għall-faqar. L-ILLUM titkellem mal-Anti-Poverty Forum dwar il-fatturi li jwasslu għal dan

It-tfal, l-inugwaljanza bejn is-sessi fejn tidħol il-paga u l-isterjotipi Maltin humu wħud mill-iktar sfidi li qed iwasslu biex in-nisa jkunu l-aktar vulnerabbli għall-faqar.

“Hemm bosta sitwazzjonijiet fejn, iva l-mara ddum, anke biex tirkupra finanzjarjament,” kelliem għall-Anti-Poverty Forum (APF) qal mal-ILLUM.

Ċifri mill-istħarriġ tal-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għejxien urew kif 53,067 mara f’Malta kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-2023.

Mistoqsi dwar jekk jarawx li din il-figura hi fattwali, il-kelliem wieġeb fil-pożittiv, filwaqt li spjega għaliex jaħsbu li jwassal għal dan.

Huwa semma kif imbilli hemm figura daqsekk għolja ta’ nisa f’riskju ta’ faqar ma jfissirx li dawn ma jaħdmux.

“Baqa’ l-faqar fost min jaħdem (in-work poverty), għadu jeżisti, minkejja l-isforzi li saru,” huwa beda jispjega.

Il-faqar fost dawk li jaħdmu jseħħ meta d-dħul ta’ persuna li taħdem, wara l-ispejjeż tad-djar, ikun inqas minn 60% tal-medja nazzjonali. Dawn il-persuni ma jaqilgħux biżżejjed biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Irridu ngħidu li din hija sitwazzjoni li ma tolqotx lin-nisa biss, u fil-fatt il-kelliem tkellem b’mod ġenerali meta qal li din hija problema kurrenti.

Madankollu lin-nisa ġieli tolqothom aktar minħabba li, skont il-kelliem, hawn nisa li għadhom qed jesperjenzaw inugwaljanza fil-paga.

“Tinsiex li għandek sitwazzjoni, li għadha teżisti, fejn in-nisa jitħallsu inqas mill-irġiel f’ċerti setturi, b’mod speċjali f’ċerti setturi partikolari,” qal il-kelliem.

Huwa rrikonoxxa li hemm skemi dwar il-faqar li jaħdmu u li saru mill-Gvern, iżda dawn l-iskemi ma rawx tmiem l-isfida.

Għaldaqstant, din mhux l-unika sfida għan-nies waqt ix-xogħol.

Il-kelliem tal-AFP spjega kif hemm firxa ta’ fatturi interrelatati li ma jgħinux lill-mara tirkurpra finanzjament waqt li taħdem, fosthom l-isterjotip tradizzjonali tal-qsim tal-irwol domestiku.

Ir-responsabbiltà tad-dar bejn mara u raġel twassal biex mara jkollha inqas sigħat tax-xogħol f’ċirkostanzi. Is-sitwazzjoni tiġi aktar diffiċli jekk ikun hemm involuti t-tfal.

“Tinsiex li jekk il-mara hija omm, hi se jkollha t-tfal bħala piż, kemm biex tagħmel part-time, u anke għax trid il-flus biex trabbi lil uliedha, speċjalment jekk għandha kunflitti mas-sieħeb jew mal-missier.”

‘Din mhux problema tal-Gvern biss’

Minkejja kollox, il-kelliem irrikonoxxa x-xogħol li qed isir mill-Gvern, u anke dawk ta’ qablu fuq ir-rigward, iżda qal li dan mhux biżżejjed.

“Din il-problema tal-faqar mhux problema tal-Gvern biss, imma problema ta’ kulħadd. Kulħadd irid jagħti daqqa t’id. Għalxejn jagħmel skema l-Gvern u ssib nies li jduru magħha,” żied jgħid il-kelliem.

Bħala eżempju hu semma l-iskema li l-Gvern ħabbar fil-baġit tal-aħħar, fejn koppji eliġibbli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn self għal dar anke meta ma jkollhomx il-likwidità meħtieġa biex iħallsu l-ħlas parzjali meħtieġ ta’ 10% mal-iffirmar tal-wegħda tal-bejgħ.

F’dan il-każ, filwaqt li l-applikant iħallas dan is-self personali, l-Awtorità tad-Djar tiffinanzja l-imgħax li jsir fuq dan is-self matul it-terminu kollu.

Iżda mal-aħbar ta’ din l-iskema, xi banek urew il-ħsieb li se jgħollu l-imgħax jew jagħmluha faċli għalihom infushom biex jiggwadanjaw kemm mill-10% li qed jipprova jtaffi l-piż tagħhom il-Gvern, u aktar.

Sintendi wara ċertu żmien, u bil-Gvern stess jgħid li dan mhux xieraq, il-banek reġġgħu l-ħsieb.

APF temmen li mhux kulħadd għandu aċċess għall-iskemi tal-istabbilità

L-istatistika maħruġa kienet ibbażata fuq l-2023, fi żmien meta l-għoli tal-ħajja kien għadu jgħolli rasu, iżda skemi tal-gvern bħal dawn tal-istabbilità fil-prezzijiet kienu għadhom mhux disponibbli għall-poplu.

Mistoqsi jekk skemi bħal dawn hux se jgħinu l-figuri jonqsu, il-kelliem qal li diffiċli jgħid.

Għaldaqstant, huwa żied jgħid li hemm ċirkostanzi, speċjalment fejn tidħol faxxa tan-nies ta’ ċerta età, li skemi bħal tal-istabbilità mhux tilħaqhom.

“Meta tħares lejn ċerti sitwazzjonijiet, il-fatt li ċerti prezzijiet jonqsu, mhux lil kulħadd tolqot. Mhux kulħadd għandu aċċess għall-prodotti, il-ħwienet ewlenin li joffru l-aħjar prezzijiet,” huwa temm jgħid fuq is-suġġett.

Dak li rrapportat il-gazzetta ILLUM

Ġimgħa ilu, l-ILLUM irrapportat kif wieħed minn kull sitt persuni f’Malta kienu f’riskju ta’ faqar fl-2023. Dan ħareġ fi stħarriġ magħmul mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Ċifri mill-istħarriġ tal-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għejxien juru li 88,462 persuna (16.6%) kienu f’riskju ta’ faqar. Dan huwa tnaqqis ta’ 0.1% fuq l-2022.

Ħamsa (22%) ta’ dawk f’riskju ta’ faqar kellhom inqas minn 18-il sena – żieda ta’ 2.7 punti perċentwali mis-sena ta’ qabel.

Sadanittant ġie osservat tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali fost persuni ta’ bejn it-18 u l-64 sena, bir-rata ta’ din l-età tinżel għal 12.1% fl-2023.

Ir-rata għal dawk li għandhom 65 sena jew aktar niżlet għal 29%, ekwivalenti għal tnaqqis ta’ punt perċentwali.

More in Socjali