40% tal-popolazzjoni Maltija tasal biss sas-sekondarja
Ċifri tal-Eurostat ipoġġu lil Malta fost l-iktar ħames pajjiżi Ewropej b’popolazzjoni b’edukazzjoni baxxa, b’40.8% tal-popolazzjoni jieqfu mill-iskola wara l-livell sekondarju
minn Marianna Calleja
L-aħħar analiżi ta’ statistika dwar l-edukazzjoni madwar l-Ewropa kollha ra li 40% tal-popolazzjoni f’Malta ma kellhiex livelli ta’ edukazzjoni għolja sal-2022.
Din hija waħda mill-ogħla rati ta’ livell baxx ta’ edukazzjoni madwar l-Ewropa.
Skont l-istatistika maħruġa mill-Eurostat, 40.8% tal-popolazzjoni kellha livell baxx ta’ edukazzjoni. Din il-faxxa tal-popolazzjoni ma komplietx skola wara l-livell sekondarju.
L-unika stati membri li kellhom ċifri simili ta’ Malta huma l-Portugall, l-Italja u Spanja, b’46.2%, 41.7% u 40.1% tal-popolazzjoni rispettiva tagħhom b’livell baxx ta’ edukazzjoni.
L-iktar pajjiż li kellu popolazzjoni b’livell baxx ta’ edukazzjoni kien it-Turkija, b’61.8% tal-popolazzjoni tieqaf mill-iskola mal-livell sekondarju.
Id-disparità bejn l-iktar u l-ogħla pajjiżi b’popolazzjoni ta’ edukazzjoni baxxa hi pjuttost drastika.
Sal-2022, 49.8% tal-poplu Irlandiż kellu edukazzjoni ogħla, filwaqt li 16% biss tal-istess poplu kellu edukazzjoni baxxa.
L-aktar gradwati b’edukazzjoni għolja sal-2022, ogħla mill-medja tal-UE, kienu fil-pajjiżi Nordiċi u Baltiċi. L-Iżvezja u n-Norveġja kklassifikaw fit-tielet u r-raba’ post b’aktar minn 45% tal-gradwati tal-edukazzjoni terzjarja.
Għaldaqstant, iċ-ċifri wrew li fir-Renju Unit, madwar 43.5% tal-popolazzjoni ġabu lawrja ta’ edukazzjoni terzjarja, b’enfasi qawwija fuq l-aċċessibbiltà u l-kisba ta’ edukazzjoni ogħla.
Intant, iċ-ċifri juru wkoll li 31.1% tal-popolazzjoni Maltija kellha edukazzjoni medja, li fl-ambitu ta’ dan l-istħarriġ tfisser popolazzjoni li kompliet l-iskola wara s-sekondarja imma waqfu qabel ma daħlu l-Università.
In-numri jiddistingwu wkoll bejn kwalifiki vokazzjonali u ġenerali.
Kważi f’kull stat membru, hemm iktar nies b’edukazzjoni medja f’xogħol vokazzjonali, milli nies b’karriera ġenerali. Dan bl-eċċezzjoni ta’ Malta.
Skont il-Eurostat, 28.1% tal-Maltin għandhom edukazzjoni għolja, li tinkludi nies li attendew l-Università, jew istituti oħra ta’ edukazzjoni terzjarja.
Fl-istess waqt, 42.4% tal-popolazzjoni Maltija bejn l-etajiet ta’ 25 u 34 sena kellhom edukazzjoni terzjarja fl-2022. L-istess rati għolja f’din il-faxxa ġew innotati fil-pajjiżi kollha.
L-istatistika nnotat differenza wkoll bejn is-sessi. F’35 pajjiż Ewropew, fejn l-informazzjoni hija disponibbli, in-nisa ta’ bejn il-25 u l-34 sena kellhom proporzjon ogħla ta’ kisba ta’ edukazzjoni terzjarja mill-irġiel.
Fl-2022, bħala medja, il-proporzjon ta’ nisa b’edukazzjoni terzjarja kien 47.6% filwaqt li kien 36.5% għall-irġiel.
F’dan ir-rigward, l-informazzjoni turi li Malta, flimkien mad-Danimarka u l-Lussemburgu, kellha l-aktar differenza bejn is-sessi. Id-differenza hi ta’ 7% favur in-nisa.
Il-Kummissjoni Ewropea tinnota diskrepanza bejn in-nefqa tal-Gvern fuq l-edukazzjoni u r-riżultat finali
F’rapport ta’ analiżi, il-Kummissjoni Ewropea nnotat diskrepanza bejn l-infiq tal-Gvern fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ, u r-riżultat finali hekk maħruġ mill-Eurostat.
Tikkumpara t-tnejn, il-Kummissjoni Ewropea fakkret li fis-sena ta’ qabel, Malta kellha t-tielet l-akbar infiq fuq l-edukazzjoni mill-istati membri kollha. Fil-fatt Malta nefqet 2.1% tal-infiq pubbliku fuq is-settur edukattiv u tat-taħriġ fl-2021.
Waqt li tagħmel din in-nota, il-Kummissjoni qalet ukoll li x’aktarx l-infiq tal-2021 wassal biex ir-rata ta’ persuni li waqfu skola, naqas b’10%.
Dan kien fost l-aqwa titjib taċ-ċifra, ikkumparata mal-pajjiżi l-oħra.
Fil-fatt skont il-Eurostat, l-istudenti li telqu l-iskola kmieni sa Diċembru tal-2022, laħqu l-10.10%. L-inqas li qatt kienet sa issa.
Ir-rata kienet laħqet l-ogħla rekord ta’ 33% f’Diċembru tal-2005.