Seba’ għaqdiet ta’ residenti minn irħula u bliet differenti f’Malta se jingħaqdu flimkien nhar il-Ħadd fil-Pjazza taż-Żurrieq għal konferenza stampa li fiha qed jitolbu bidla fil-Pjan Lokali tal-2006.
L-attività qed tittella’ b’ħidma bejn l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq u ż-żewġ għaqdiet ġodda ta’ Residenti tal-Qrendi u Residenti Ħal Safin. Magħhom se jingħaqdu gruppi oħra, bħal dak mis-Siġġiewi, l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, il-Marsaskala Residents Network u l-Fondazzjoni Wirt iż-Żejtun.
L-għaqdiet qed jisħqu fuq bidla fil-Pjan Lokali tal-2006, li skont huma, kellu impatt negattiv fuq id-dehra ta’ raħalhom u l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet u l-individwi li jgħixu hemmhekk.
“Il-ġirja għall-kostruzzjoni li faqqset fi blietna hija r-riżultat ta’ politiki tal-ippjanar ħżiena li saru fl-2006, li għadhom qed jiġu applikati llum biex jiġġustifikaw bini li ma jagħmilx sens mal-madwar. Il-Pjan Lokali għadda żmienu, huwa qadim, u nkiteb sabiex jiffavorixxi l-iżvilupp eċċessiv u l-ispekulazzjoni fuq l-art, il-kosta u l-baħar. Is-sitwazzjoni ggravat mindu bdiet tiġi applikata l-politika tad-DC15, u saħansitra l-Gvern bħalissa qed jikkunsidra li jemendaha biex tippermetti aktar kostruzzjoni. L-awtoritajiet qegħdin kull darba jagħtu wiċċhom lill-kostruzzjoni u l-warranijiet lill-kwalità tal-ħajja u l-ambjent. Din trid tinbidel issa.” qalu l-gruppi fi stqarrija flimkien.
L-għaqdiet qed iħeġġu oħrajn bħalhom sabiex jingħaqdu magħhom fil-konferenza ta’ nhar il-Ħadd. “L-isfidi li naffaċċjaw fl-irħula tagħna huma differenti, iżda kollha ġejjin mill-istess raġuni. Nistiednu lir-residenti minn irħula u bliet oħra biex jingħaqdu magħna l-Ħadd, għaliex qed nikkumbattu l-istess fenomenu.”
Il-gruppi qalu li fl-aħħar snin ħabbtu wiċċhom bosta drabi mal-“effetti xejn pjaċevoli” tal-Pjan Lokali. Fost l-oħrajn, isemmu l-applikazzjonijiet inċessanti fiż-żoni tal-Pjan Lokali u l-bejgħ ta’ art pubblika tajba għall-biedja, blokok ta’ sitt sulari li qed ikissru l-UCAs (Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana), ċapep ta’ bini ikrah, u saħansitra yacht marina.
“Is-sejħa tagħna qiegħda kulma tmur tikber u tikseb aktar saħħa”, qalu l-gruppi fl-istqarrija. “Nemmnu bis-sħiħ li hemm bżonn reviżjoni tal-pjan li tkun tagħmel sens għax tpoġġi l-kwalità tal-ħajja tal-pubbliku fil-qalba tagħha, u li twaqqaf dil-kostruzzjoni bla karattru u l-ispekulazzjoni bla ħsieb li issa ilhom għaddejjin snin sħaħ.”
Il-konferenza tibda fl-10.30. Dawk l-għaqdiet tar-residenti li jixtiequ jingħaqdu fil-konferenza stampa ta’ nhar il-Ħadd ġentilment mitluba jibagħtu email fuq [email protected]