Il-maġġoranza tan-negozji Maltin jonfqu madwar €100 fix-xahar f’komunikazzjonijiet elettroniċi biss

Stħarriġ tal-Awtorità tal-Komunikazzjonijiet ta' Malta dwar il-perċezzjonijiet tan-negozji fuq servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi żvelaw żieda fl-abbonamenti kemm għal telefonija fissa kif ukoll għal servizzi ta' broadband fiss

Parti sinifikanti tan-negozji (iktar minn 68% f'servizzi varji) irrappurtaw li jonfqu sa €99 fix-xahar fuq servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Is-servizzi kkombinati, dawk li jkunu f’bundles, kienu l-aktar popolari, b'53% tan-negozji jgħidu li jippreferu dawn. 

Dan ħareġ fi stħarriġ tal-Awtorità tal-Komunikazzjonijiet ta' Malta (MCA) dwar il-perċezzjonijiet tan-negozji fuq servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. L-istħarriġ jitfa' dawl fuq il-mudelli ta' infieq u preferenzi tal-intrapriżi Maltin.  

Imwettaq minn EMCS Advisory Ltd bejn Jannar u Frar 2024, l-istħarriġ inkluda tweġibiet minn 400 negozju f'15-il industrija. Fl-istħarriġ, in-negozji parteċipanti kienu kklassifikati f’ micro (55%), żgħar (26%), medji (13%), u intrapriżi kbar (6%). 

Ir-riżultati żvelaw żieda fl-abbonamenti kemm għal telefonija fissa kif ukoll għal servizzi ta' broadband fiss. Persentaġġ sinifikanti ta' 75% tan-negozji għandhom linja fissa, b'negozji micro u żgħar fuq quddiem f’dan l-użu. It-telefonija mobbli permezz ta’ mowbajls, tibqa' l-iktar popolari, b'85% tan-negozji jagħżlu li jabbonaw għas-servizzi mobbli. L-użu ta' broadband mobbli biex wieħed jaċċessa servizzi ta' komunikazzjonijiet Over-The-Top (OTT) bħal WhatsApp u Microsoft Teams, ra żieda wkoll, b'75% tal-utenti jiżvelaw li jużaw dawn il-pjattaformi. Biex inqabblu ftit, fi żmien il-pandemija kienu 69% tal-utenti li ffukkaw fuq servizzi OTT. 

L-istħarriġ wera wkoll li s-sodisfazzjon bil-kwalità tas-servizz baqa’ għoli, b'iktar minn 75% tar-rispondenti jesprimu li huma kuntenti bis-servizzi li jirċievu. Is-servizzi kkombinati kisbu rata ta' sodisfazzjon impressjonanti ta' 81%. Minkejja dan, in-numru ta' negozji li jbiddlu l-fornitur baqa' relattivament stabbli, b'39 bidla rreġistrata fl-2024 meta mqabbla ma' 38 fl-2021. L-abbonati tas-servizzi stand-alone wrew żieda żgħira fl-imġieba ta' tibdil, li tindika żieda fit-tfittxija għall- offerti aħjar jew kwalità aħjar tas-servizz. 

It-telefonija fissa kienet pilastru fost intrapriżi kbar, b'90% jagħżlu li jżommu linja fissa. Madankollu, in-negozji micro qed imorru aktar għall-mobbli. In-negozji ġeneralment jaraw l-infieq tagħhom fuq telefonija fissa bħala raġonevoli, b'57% jħossuhom indifferenti dwar l-ispiża filwaqt li 23% iqisuha raġonevoli. 

Tista’ tgħid li l-broadband fiss huwa universali fost in-negozji Maltin, b'97% irrapurtati li għandhom konnessjoni tal-internet. Il-livelli ta' sodisfazzjon huma għoljin, għalkemm 20% esprimew nuqqas ta’ sodisfazzjon fis-servizzi stand-alone. L-użu tal-broadband mobbli wkoll żdied, b'63% tal-abbonati jgħidu li jagħmlu użu tiegħu ta' spiss. Dan jirrifletti l-importanza tiegħu, li iżjed ma jmur iżjed qed tikber fl-operazzjonijiet tan-negozji. 

Numru sostanzjali ta' 80% tan-negozji jużaw servizzi OTT, primarjament għall- messaġġi u chats (93%), b'porzjon sinifikanti ta’ 56% li jużaw iktar minn pjattaforma OTT waħda. Is-sodisfazzjon bis-servizzi OTT fost l-utenti baqa’ għoli b’ 92%.  

More in Socjali