Hemm numru ta’ skemi disponibbli għal min iħaddem jekk dawn iħaddmu persuni b’diżabbiltà, skont tagħrif li ngħata fil-Parlament.
Din aħbar ferm tajba għal dawn il-persuni li, sfortunatament, xi kultant huma l-vittmi ta’ preġudizzju minħabba l-kundizzjoni tagħhom.
Din l-informazzjoni ġiet meħuda minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri mill-Kelliema għall-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea.
Fil-mistoqsija tagħha, Galea staqsiet “xi skemi joffri l-Gvern għal min jimpjega persuni b’diżabilità?”
Apparti minn hekk, staqsiet ukoll kemm-il sena ta’ impjieg huma validi dawn l-iskemi.
Fit-tweġiba tiegħu, Camilleri qal li “Jobsplus toffri diversi inizjattivi għal min jimpjega persuni b’diżabilità.”
L-inċentivi għall-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà
Camilleri semma tliet skemi li jinċentivaw lil min iħaddem biex jagħtu impjieg lil min għandu xi diżabbiltà.
Fosthom, hemm l-Iskema Aċċess għall-Impjiegi (A2E), li hija skema li toffri sussidju ta’ €302 fil-ġimgħa għal tliet snin lil min iħaddem persuna b’diżabbiltà f’impjieg full-time.
Għal impjiegi part-time, jingħata sussidju prorata ta’ €151 fil-ġimgħa. Dan l-ammont jiżdied kull sena biex jirrifletti l-għoli tal-ħajja.
Barra minn hekk, hemm ukoll inċentiv fiskali għal dawk il-kumpaniji li jimpjegaw persuni b’diżabbiltà iżda ma jibbenifikawx mill-Iskema A2E.
Dawn il-kumpaniji jistgħu japplikaw għal inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali għal kull impjegat b’diżabbiltà. L-ammont massimu li jista’ jingħata għal kull impjegat huwa €4,500 fis-sena, u dan jitħallas immedjatament wara t-tmiem tas-sena kalendarja.
L-aħħar skema tal-Jobsplus hija eżenzjoni mill-ħlas tal-bolla fejn kumpaniji privati li jimpjegaw persuni b’diżabbiltà jistgħu japplikaw biex jiġu eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati bħala persuni b’diżabbiltà.
Minn dawn l-iskemi, l-Iskema A2E biss għandha perjodu limitat, filwaqt li ż-żewġ inizjattivi l-oħra huma offruti għal perjodu indefinit. L-Iskema A2E hija limitata għal tliet snin.
Servizzi ta’ appoġġ mill-Fondazzjoni Lino Spiteri
Minbarra dawn l-inċentivi finanzjarji, hemm ukoll il-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) li toffri servizzi biex tgħin lill-persuni b’diżabbiltà jintegraw aħjar fid-dinja tax-xogħol. Dawn jinkludu servizzi ta’ job carving u job coaching.
Job carving hija forma ta’ għajnuna lil min iħaddem biex jadatta x-xogħol skont il-ħiliet u l-bżonnijiet tal-persuna b’diżabbiltà.
Min-naħa l-oħra, job coaching huwa tip ta’ għajnuna individwalizzata biex il-persuna titgħallem sew ix-xogħol u tintegra b’suċċess fl-ambjent tax-xogħol tagħha.