Jitwaqqaf il-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ
Illum ġie mwaqqaf il-Kunsill Reġjonali taż-żgħażagħ Għawdxin fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo. Il-Ministru Refalo stqarr li ż-żgħażagħ huma l-futur ta’ pajjiżna. Il-Ministru għal Għawdex qal, “Ilha tissemma l-ħtieġa li ġewwa Għawdex jitwaqqaf dan il-Kunsill Amministrattiv. Illum qegħdin nattwaw wegħda oħra ta’ dan il-gvern biex verament nagħtu vuċi liż-żgħażagħ tagħna u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ Għawdex.”
Il-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ għandu l-għan li jkun vuċi effettiva għaż-żgħażagħ Għawdxin u jgħinhom jipparteċipaw b’mod aktar effettiv fil-ħajja amministrattiva, soċjali, ekonomika, kulturali u edukattiva tal-gżira. Jgħin ukoll lill-gvern li jsib interlokutur għas-settur.
Mill-bidu nett ta’ din il-leġislatura, il-Ministru għal Għawdex beda jiltaqa’ mal-partijiet interessati biex jifhem iktar il-bżonnijiet taż-żgħażagħ Għawdxin. Ilkoll nafu x’inhuma l-bżonnijiet tagħna l-Għawdxin minħabba l-insularità doppja “Għawdex għandu bżonnijiet speċjali u allura għandna bżonn trattament speċjali. Irridu nkunu aħna li nkunu pro-attivi u ninsġu politika li verament tkun tinkwadra l-bżonnijiet tagħna.”
25 għaqda rreġistraw l-interess tagħhom biex jingħaqdu fil-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ Għawdxin. Anton Refalo ħeġġeġ biex jibqgħu jiġu inkoraġġati għaqdiet oħra biex jissieħbu f’dan il- Kunsill matul il-kors tal-ħidma tiegħu. Saret ħafna ħidma u konsultazzjoni mar-rappreżentanti taż-żgħażagħ biex jiġi fformulat statut għal dan il-kunsill. L-adozzjoni ta’ dan l-istatut saret proprju llum u hekk ser ikun qed jiġi mwaqqaf dan il-Kunsill.
Il-Ministru għal Għawdex jemmen bis-sħiħ li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fuq il-mejda tal-konsultazzjoni u jħares ’il quddiem biex il-Ministru jiddiskuti magħhom każijiet pertinenti kontemporanji li huma ta’ interess għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ Għawdex.