Għawdex mhux meqjus bħala reġjun mill-UE

 “Sakemm jiġi biex ikun diskuss trattat ieħor Għawdex mhux se jkun meqjus bħala reġjun.” Hekk ikkonferma s-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg waqt l-ewwel laqgħa ta’ Djalogu ‘10 snin Malta Ewropea’ li saret f’Għawdex organizzata mill-MEUSAC.

Id-djalogu ‘10 Snin Malta Ewropea’
Id-djalogu ‘10 Snin Malta Ewropea’

Wara interventi minn Michael Grech, ċermen tal-GBC (Gozo Business Chamber) ta’ Għawdex u Joseph Muscat CEO tal-GTA (Gozo Tourist Association) fejn qalu li r-rapporti li l-Unjoni Ewropea ngħatat mill-Gvern preċedenti mhumiex korretti u fiha ħafna ineżatezzi, Dr. Ian Borg dment wieġeb li hu ma jistax jagħtihom tama li d-deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea tista’ titreġġa lura. “L-Unjoni Ewropea ma tħarisx lejn Malta skont il-gvern tal-ġurnata iżda skont ir-rapport mibgħut lilha mill-pajjiż, ikun min ikun fl-amministrazzjoni,” qal is-Segretarju Parlamentari, “u dan ifisser li d-deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea dwar li Għawdex ma jiġix aċċettat bħala reġjun hi finali. Ir-riċetta saret u ma nistgħux inreġġgħu l-arloġġ lura. Il-bibien tiegħi huma miftuħin beraħ għal diskussjoni iżda nistgħu biss niddiskutu għal programmazzjoni ta’ wara 2020.”
Għalhekk għal dan il-pakkett li jagħlaq fl-2020 il-ħolma tal-Għawdxin li Għawdex jitqies bħala reġjun u jkunu jistgħu jieħdu aktar fondi mill-Ewropa sfaxxat fix-xejn. Jista’ biss jerġa’ jiġi diskuss mal-Unjoni Ewropea wara l-2020.
F’din il-laqgħa ta’ Djalogu li attendew għaliha numru tajjeb ta’ Għawdxin minn kull ġeneru tal-ħajja kienet immexxija mill-Kap tal-Meusac Dr Giovanni Xuereb, is-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo.
Kien hemm diversi mistoqsijiet minn dawk li attendew fosthom kemm eżattament hemm fondi vvutati għal Għawdex fil-programm 2014/2020. Dr Ian Borg qal li ma jaqbilx mal-Kap tal-Oppożizzjoni meta fil-kampanja elettorali kien qal li s-somma hi €120 miljun, għax l-10% ma tinħadimx skont il-pakkett sħiħ, iżda skont il-prijoritajiet tal-pakkett innifsu. Hu qal li l-Gvern se jara li Għawdex igawdi minn 10% tal-fondi tal-proġetti li daħal għalihom għax qabel ħa biss 8%.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li Għawdex se jgawdi żgur f’żewġ setturi importanti, fl-iżvilupp rurali sew fl-agrikultura kif ukoll fl-agri turiżmu u mill-fond marittimu u sajd fejn kien għadu kif ġie nnegozjat pakkett li minn €14-il miljun żdied għal €22 miljun. Semma wkoll li ntlaħaq ftehim li meta Malta jkollha l-presidneza tal-UE se jsiru anke laqgħat ministerjali tal-Ewropa f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex filwaqt li tkellem dwar dak li ma sarx fl-amministrazzjoni ta’ qabel f’10 snin qed issir illum. Semma l-uffiċċju tal-NSO li se jiftaħ il-ġimgħa d-dieħla li se jkun għodda importanti biex Għawdex ikun jista’ jiġġieled biex jirbaħ dak li jimmeritah. Anke l-uffiċċju għal Għawdex fi Brussell se jgħin biex Għawdex ikun jaf x’qed isir u x’jista’ jsir għalih u mhux bħal qabel li ttieħdu deċiżjonijiet minn wara l-Għawdxin u r-rapport li tfaċċa dan l-aħħar wera li tant kien żbaljat li l-Ewropa ma kkunsidratx lill-Għawdex bħala reġjun.
L-Avukat Refalo kompla jgħid li hemm 30 proġett fil-programm ta’ fondi 20/20 bl-ewwel 4 prijoritajiet ikunu l-Broadband, fibre optic cable, l-Airfield, l-SME park li se jsir fl-art ta’ wara Gozitano u hemm 2 siti oħra u l-Gozo Museum.
Dr Giovanni Xuereb qal ukoll li f’Għawdex se jinfetaħ uffiċċju tal-Muesac biex ikunu jistgħu jgħinu mhux biss individwi, iżda NGOs, ażjendi u kumpaniji biex igawdu minn fondi Ewropej.
Preżenti kien hemm il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-fondi Ewropej, Antoine Borg li qal li huma jaqblu ma’ kull tip ta’ fondi li l-gvern jista’ jieħu mill-Ewropa iżda l-oppożizzjoni tħoss li huma ftit wisq l-oqsma li ġew identifikati għal xogħol f’Għawdex. L-oppożizzjoni tixtieq li dawn l-oqsma jkunu aktar aktar speċifiċi u konkreti.

 

More in G?awdex