Mix-xitwa li ġejja n-nollijiet tal-Maltin se jitraħħsu?
Wara l-inizjattivi li saru s-sena li għaddiet l-ekonomija f’Għawdex ġiet injettata bi €3 miljuni u l-Gozo Channel naqqset it-telf b’nofs miljun ewro mill-€1.6 miljun ta’ telf li kienet għamlet is-sena ta’ qabel. Dan qalu l-Ministru għal Għawdex, l-Avukat Refalo waqt konferenza stampa.
Issa però jidher li hemm diversi inizjattivi preparati għax-xhur li ġejjin u anke għax-xitwa li ġejja. Wara l-Free Travel Weekend f’Novembru, Betlem f’Għajnsielem f’Diċembru u t-Travel to Gozo Weekend Valentine Special fi Frar u ‘Għawdex Fidi u Tradizzjoni’ li qed issir bħalissa, qed jingħad li f’nofs Mejju se titniedha inizjattiva oħra għat-turist Malti.
Sadattant meta kien mistieden fuq ONE Breakfast il-Ministru Refalo qal li qed jiġi studjat il-fatt li n-nollijiet tal-Gozo Channel tal-Maltin matul il-weekends se jitraħħsu b’mod drastiku. Fil-fatt dawn se jkunu daqs dawk li jħallsu l-Għawdxin, €1.15 (flok €4.65) għal passiġġier u €8.15 (flok €15.70) għal passiġġier bil-karrozza.
Bħalissa f’Għawdex għaddejja l-kontroversja dwar l-iskema tal-priority boarding fejn jidher li l-maġġoranza tal-poplu Għawdxi ma tantx hu favur tagħha, tneħħi lin-nies tan-negozju u tal-lukandi u anke l-istudenti Universitarji li jidhru li jaqblu ma’ din l-iskema. Mistoqsi dwar din l-iskema li suppost għandha tibda titħaddem f’Lulju li ġej, sew il-ministru kif ukoll iċ-ċerman tal-Gozo Channel qalulna li l-iskema għadha fi stat ta’ studju kif se titħaddem u għadha trid tgħaddi mill-kabinett. Sadattant fil-port tal-Imġarr diġà nżebħet linja tal-kju tal-karozzi bl-isfar u minn din il-ġimgħa din il-linja tħalliet vojta mingħajr karozzi (araw ritratt li ħadt jien stess nhar it-Tlieta waqt li konna qed nistennew il-vapur tal-5am). Din il-linja se tintuża għal meta l-priority boarding se jibda jiġi attwat.
Fidi u Tradizzjoni
Għawdex maħkum mill-Ġimgħa Mqaddsa
Matul dawn il-ġimagħtejn Għawdex jinħakem mill-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa fejn l-attivitajiet f’din il-gżira jibdew jieħdu l-ħajja mil-lum, Ħadd-il Palm.
Il-Fidwa fix-Xewkija
Bla dubju li l-aktar waħda li għandha tkun popolari hi ‘Il-Fidwa’ rappreżentazzjoni Biblika, li ttellgħet ilbieraħ fil-Ġnien ta’ Blankas. Il-Ġnien ta’ Blankas, fil-limiti tax-Xewkija joffri atmosfera unika għal dawk kollha li jiġu jgawdu din ir-rappreżentazzjoni permezz tal-effetti viżivi li joffri dan il-post. Illum, il-Ġnien ta’ Blankas ser ikun miftuħ matul il-jum. Din il-produzzjoni qed tiġi mtella’ mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija, ix-Xewkija Drama Group bil- kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
Purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira Victoria u l-Qala
Illum se joħorġu żewġ purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, waħda mill-Kattidral ta’ Victoria fis-6pm u l-oħra fit-toroq tal-Qala li tibda ħierġa fis-6.30pm.
Via Sagra taħt Chambray – Għajnsielem
Fis-6pm se jkun hemm rappreżentazzjoni tal-Kalvarju ta’ Kristu taħt Chambray li tibda minn fejn il-knisja ċkejkna ta’ Lourdes u tibqa’ tiela’ sal-Fortizza Chambray fejn hemmhekk jissallab Kristu bejn żewġ ħallelin. Se jieħdu sehem madwar 40 attur. Din ir-rappreżentazzjoni ilha ssir mill-1987 fit-toroq ta’ Għajnsielem u dis-sena qed issir fi sfond aktar pittoresk, fuq il-port tal-Imġarr.
Iċ-Ċenaklu f’Ta’ Passi Għajnsielem
Fil-post fejn tliet xhur ilu twieled il-Bambin f’Bethlehem Għajnsielem se jinbidel f’ċenaklu ħaj fejn 12-il appostlu se jkunu preżenti flimkien ma’ figura ta’ Kristu f’Ħamis ix-Xirka bejn it-8pm u l-11pm (fejn iċ-ċena se tkun animata b’ikel veru u nbid) u fil-Ġimgħa l-Kbira filgħodu bejn id-9am u nofsinhar. Ta’ Passi se jkun mixgħul kollu għall-okkażjoni.
Purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Irxoxt
Fil-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex isiru 4 purċissjonijiet li huma tax-Xagħra, Żebbuġ, Nadur u San Ġorġ tar-Rabat, f’Għawdex isiru wkoll 10 dimostrazzjonijiet bl-istatwa tal-Irxoxt, San Ġorġ u Kattidral ir-Rabat, Kerċem, Nadur, Xewkija, Żebbuġ, Fontana, Qala, Xagħra u Għarb.