Il-Milied ta’ Anton Refalo
Matul is-sena mdorrijin naraw lil Ministru għal Għawdex, Anton Refalo jdur minn proġett għall-ieħor f’Għawdex, inkella jilqa’ l-kostitwenti tiegħu fl-uffiċċju tiegħu jew mistieden ’l hawn u ’l hinn għax il-preżenza ta’ ministru dejjem tgħolli l-avveniment innifsu. Sadattant wieħed jista’ jifhem kemm ministru jkollu ħafna attivitajiet x’jattendi f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, fejn bejn tazza nbid u oħra wieħed kulħadd jistenna l-manna mill-ministru għax dik hi l-mentalità Maltija kif ukoll Għawdxija. Li wieħed ma jirriflettix hu l-fatt li Ministru jista’ għandu wkoll familja. Li ministru jista’ jkollu mara u anke wlied. Li ministru jista’ jkollu ġenituri u familjari li wkoll jkun irid isib ħin igawdi dawn il-festi magħhom. Għalhekk iddeċidejt li niltaqa’ mal-Avukat Anton Refalo biex miegħu niddiskuti kif qatta’ eżatt il-Milied il-Ministru għal Għawdex.
Dan il-Milied kien wieħed partikolari għal Ministru Refalo, għax kien l-ewwel Milied li għaddieh bħala ministru u għalhekk kellu biċċa xogħol iebsa biex jipprova jinseġ il-ħajja ta’ ministru u l-ħajja ta’ missier flimkien. L-avukat Refalo hu l-uniku wild li għadu kif tilef lil missieru ftit tax-xhur ilu u għalhekk kien doveruż li jieħu ħsieb anke lil ommu. Miżżewweġ lil Lina li hi 16-il sena iżgħar minnu u għandu żewġ ulied, Andrè li lbieraħ għalaq 12-il sena u Simona li għandha 9 snin.
Iltqajt miegħu u mal-familja tiegħu waqt passiġġata f’Betlem Għajnsielem waqt li kien qed jixrob tazza mulled wine mill-bar ta’ Betlem. U tlabtu jgħidli xi ftit dwar kif qatta’ l-Milied u l-festi.
“Din is-sena l-Milied fil-familja tiegħi kien wieħed partikolari” beda jgħidli. “Iż-żewġ uliedi Andrè u Simona kienu mħabbtin jippreparaw għall-prietka tal-Milied. B’hekk fil-familja kellna ċertu tħejjija u eċitament. Nistqarr li xorta għamilt mezz sabiex inkun ftit preżenti magħhom u ngawdi dan il-ħin mal-familja kemm jista’ jkun.” Sadattant sirt naf li din il-prietka għal uliedu kienet tfisser ħafna għalih fejn meta kien imur id-dar kien dejjem jipprovaha magħhom. Anke meta siefru vaganza żgħira Londra, ħa l-prietka miegħu ħalli jħarriġhom fiha. U dan qalituli martu Lina.
Fil-jum tal-prietka li saret fil-knisja ta’ Sant’Antin Għajnsielem hu kien preżenti. “Ħadt gost flimkien ma’ marti Lina l-quddiesa narawhom... waqt li t-tfal bdew jagħmlu l-prietka kont kommoss ħafna. Fl-istess ħin ftakart fl-għażiż missieri. Dawn iż-żminijiet apparti li jġibuli ħafna ferħ iġibuli wkoll nostalġija u qsim il-qalb.
“L-ikla tradizzjonali tal-Milied kienet kollha mal-familja. Għalkemm dejjem nirringrazzjaw ’l Alla, inħossu wkoll ċertu nuqqas għal dawk li m’għadhomx magħna. Fil-fatt wara ħassejt il-bżonn li mmur ftit iċ-ċimiterju nżur il-qabar ta’ missieri.”
Staqsejtu x’ta bħala rigali lill-uliedu u lil martu u x’qala’ hu. “Bħala rigali tal-Milied lil Andrè tajtu electric guitar. Lil Simona tajtha mowbajl u lil Lina tajtha fwieħa. Huma tawni pencil drawing ta’ missieri. Kulħadd kien verament kuntent b’dawn ir-rigali.”
Iżda ministru ma jistax jitfi swiċċ u jwarrab ix-xogħol li jkollu quddiemu. “L-iskeda tax-xogħol fiż-żmien dawn il-festi kienet waħda kbira, litteralment siegħa b’siegħa, permezz ta’ ħafna żjarat u okkażjonijiet qed napprezza aktar il-kultura sabiħa tal-presepji u l-ħafna xogħol ta’ dedikazzjoni, passjoni u impenn li dan iġib miegħu.
“Personalment bħala l-ewwel Milied bħala Ministru għal Għawdex inħossni kburi mmens bis-suċċess enormi f’Betlem f’Għajnsielem. Ħdimna lkoll flimkien bis-sħiħ u b’rieda tajba, kuraġġ u determinazzjoni rnexxilna lil din il-gżira nimlewha bit-turist Malti, viżitaturi u allura aktar xogħol għalina fiż-żminijiet li s-soltu nkunu batuti ferm. Tajna lezzjoni. Irridu lkoll naħdmu flimkien għaliex bil-ġid finalment igawdi u jiekol kulħadd. Hemm ħafna ħafna nies li nixtieq nirringrazzja u li jien ferm grat lejhom. Ngħid grazzi wkoll lill-Maltin talli kkonkorrew. Finalment iva, sirna lkoll tfal f’Ta’ Passi u għexna l-Milied veru.”
U issa x’se jsir minn hawn? “Fi ħsiebna nerġgħu nitkellmu mal-organizzaturi u kontributuri ħalli fil-Ġimgħa l-Kbira nagħtukom sorpriża ferm sabiħa jekk Alla jrid. Inħossni bħala Ministru kuntent ħafna bil-bżuilja tal-poplu Għawdxi fejn avolja żgħar fiċ-ċokon imma kbar fl-ideat u l-ħolm. Jien nemmen fih u ngħinu kif nista’ ħalli nwettqu dan il-ħolm sabiħ li għandna.”
Fl-aħħar staqsejt x’riżoluzzjoni għamel għas-sena l-ġdida sew bħala ministru kif ukoll bħala missier ta’ familja. “Bħala ministru li nkompli naħdem u nservi u nkun dejjem ta’ ġid mill-aħjar li nista’. Fl-istess ħin naċċetta li miniex perfett imma ċertament inkompli naġixxi b’rieda tajba.
“Riżoluzzjoni personali: li nqatta’ aktar ħin ma’ Lina u t-tfal u forsi iva ngawdi aktar ċertu mumenti speċjali magħhom. Jien nemmen ħafna fil-familja u familja b’saħħitha trid il-ħin flimkien u d-dedikazzjoni għal xulxin.” Hawnhekk Lina qaltli li hu vera jkun jixtieq u jagħmel minn kollox biex iqatta’ ħafna ħin mal-familja, iżda l-politika u xogħlu ftit jagħtuh dak iċ-ċans. Temm jgħidli li jixtieq sena ta’ prosperità lill-qarrejja ta’ dawn il-paġni dwar Għawdex, li hu japprezzahom ħafna.