“Ġejt quddiemkom bir-riżultati” – Anton Refalo
Nhar l-Erbgħa taħt it-tinda fil-Qala ġiet organizzata s-serata Gvern li Jisma’ minn Għawdex fejn għaliha attendew pubbliku numeruż ġej minn kull qasam tal-ħajja f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo fetaħ is-serata b’diskors pożittiv fejn qal li hu ma kienx mar quddiem il-poplu Għawdxi biex jgħid x’sab ma’ wiċċu mill-amministrazzjoni ta’ qabel iżda, “ġejt quddiemkom bir-riżultati.”
L-ewwel riżultat kien li ħabbar li l-kumpanija kbira tal-IT, RS2 software plc se tiftaħ fil-gżira Għawdxija u barra li se tagħmel investiment ta’ miljun ewro se tħaddem 100 Għawdxi u Għawdxija fi żmien sitt snin. Il-Ministru semma wkoll l-inizjattivi li saru matul dawn il-ġranet tax-xitwa fejn fit-Travel Free Weekend qasmu 44% aktar mis-sena ta’ qabel, f’Betlem, Għajnsielem qasmu għal Għawdex 94,000 persuna, fil-Valentine Weekend qasmu 6,000 aktar mis-sena ta’ qabel u l-karnival kien l-aqwa wieħed f’dawn l-aħħar 10 snin.
Anton Refalo qal ukoll li Għawdex irid ikollu identità ekonomika ġdida u mhux ikun anness ta’ Malta, “ma rridux li Għawdex ikun mażżra ta’ Malta iżda l-mutur ekonomiku ta’ Malta.”
Il-Ministru għal Għawdex ħabbar ukoll żewġ inizjattivi oħra importanti għal Għawdex. Il-ftuħ tal-iskola Gateway School of English li b’effett immedjat se tibda tirreklama lil Għawdex fi swieq internazzjonali kbar fl-Ewropa kif ukoll fl-Asja. Din se tgħallem l-Ingliż lil nies ta’ ’l fuq minn 50 sena.
Ħabbar ukoll li f’Taċ-Ċawla Housing Estate fejn jgħixu ħafna familji f’riskju ta’ faqar se jsiru panelli fotovoltaiċi minn flus il-Ministeru ta’ Għawdex biex il-familji li jgħixu hemm ikollhom id-dawl imraħħas sew.
Dawn l-inizjattivi ġodda ġew milqugħa b’applaws mill-pubbliku preżenti filwaqt li ttieħdu xi mistoqsijiet mill-platea.
Aaron Agius mix-Xagħra lmenta fuq in-nuqqas ta’ ndafa f’Għawdex bil-Ministru jwieġeb li l-Gvern mhux lest li jippermetti iżjed rimi ta’ skart fejn ġie ġie. Sadattant ħabbar inizjattiva ġdida ‘Greener & Cleaner Gozo’ fejn nies bla xogħol se jintalbu jipparteċipaw billi jintrabtu għal ħames xhur biex inaddfu l-bajjiet u spazji pubbliċi għal 20 siegħa fil-ġimgħa għal ħlas ta’ €75 fil-ġimgħa, jew inkella għal ħames xhur b’40 siegħa fil-ġimgħa għal ħlas ta’ €145 fil-ġimgħa.
Paul Scicluna mill-GTA staqsa jekk hux se jkun hemm inizjattivi oħra għal Għawdex u l-Ministru wieġbu li barra l-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa bl-aktar avveniment importanti jkun il-Fidwa fix-Xewkija, se jsir avveniment b’inizjattiva oħra għal Jum l-Omm.
Ryan Mercieca mill-GUG staqsa meta se jitlesta l-uffiċċju tal-NSO u l-kunsill reġjonali taż-żgħażagħ. Anton Refalo wieġeb li l-uffiċċju tal-NSO se jinfetaħ fi żmien xahrejn filwaqt li l-istatut tal-kunsill taż-żgħażagħ lest u se jiġi pubblikat il-ġimgħa d-dieħla. Sadattant dalwaqt jitħabbar ukoll Youth Co-ordinator u ħarġet internal application għal persuna biex tmexxi l-uffiċċju tal-NSO f’Għawdex.
Michael Grech mill-GBC reġa’ saħaq fuq aċċessibbiltà aħjar bl-ajru, baħar, art u internet. Il-Ministru wieġbu li qed isiru studji dwar dan kollu fejn dwar l-internet qal li ma sabu xejn minn ta’ qabel u issa beda x-xogħol mill-bidu u biex dan isir iżda jrid madwar tliet snin biex jitpoġġa l-cable fil-baħar ħalli Għawdex ikun hemm linja oħra għall-internet.
Kelliema f’isem l-NGO Association staqsiet x’inhi r-road map tal-gvern għall-NGOs. Il-ministru wieġeb li l-NGOs huma s-sinsla mill-aspett soċjali u din is-sena biss ġew ivvutati €260,000 għal NGOs f’Għawdex. Qal ukoll li l-ministeru qed jgħin lill-iscouts ikollhom post adekwat. U qed jgħinu wkoll lil kor li se jtella’ l-Opra Tosca.
Josette Cutajar avukat min-Nadur staqsiet fejn wasal ix-xogħol tal-qorti l-ġdid. Il-ministru wieġeb li l-pjanti kienu lesti mill-amministrazzjoni ta’ qabel iżda tħallew hemm, sar xi tibdil fihom u sa tliet snin oħra l-qorti l-ġdid għandu jkun lest. Sadattant semma’ li issa Għawdex għandu mħallef biex l-Għawdxin ikunu jistgħu jinqdew Għawdex u mhux ikollhom jinżlu Malta.
Francesco Caruana mill-GUG staqsa għaliex it-trekka tal-ġiri tal-iskola Ninu Cremona ma tistax tintuża mill-pubbliku. Refalo wieġbu li għadu kif inħatar l-isports board li hu ffurmat mid-dixxiplini kollha biex l-isports jitħaddem aħjar f’Għawdex filwaqt li jaqbel li anke l-faċilitajiet tal-iskejjel wara l-ħin tal-iskola għandhom jintużaw mill-pubbliku in ġenerali.
Kien hemm mistoqsijiet dwar x’qed isir għall-artiġġjanat Għawdxi, fejn Dr Refalo qal li qed jitħejja post għal inkubazzjoni biex jikber l-artiġġjanat.
Wara mistoqsija mill-pubbliku dwar dar tal-anzjani, il-Ministru ħabbar ukoll li grazzi għall-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech se tinbena djar tal-anzjani f’dar San Ġużepp li l-Knisja bigħitha lill-Gvern bi prezz irħis ħalli fl-aħħar, l-anzjani ma jibqgħux jiġu mifruda fejn il-mara tkun f’Dar Sant’Anna u r-raġel fil-Pediatrics Division. Hawn il-Ministru qal “ma nistgħux nifirdu lill-anzjani tagħna fi xjuħithom wara li tant ikunu ħadmu għalina.” Din id-dar se jkollha 140 sodda u se tinbena bi sħubija bejn il-privat u l-Gvern.
L-aħħar mistoqsija waslet minn barrani li jgħix il-Qala, Malcolm Green li qal li Għawdex hu magħruf għal ġmiel naturali tiegħu u staqsa lil Ministru jekk jinbena Ħondoq ir-Rummien hux se jkun ta’ detriment għal Għawdex. Il-Ministru Refalo wieġeb mill-ewwel fejn qal li l-ebda bini mhu se jinbena f’Ħondoq ir-Rummien. Stqarrija li ntlaqgħet b’applaws qawwi minn dawk preżenti.
Sadattant il-Ministru għal Għawdex irringrazzja lill-ħaddiema taċ-ċivil fil-ministeru tiegħu u lil pubbliku u l-entitajiet Għawdxin li qed jaħdmu miegħu id f’id. Qal ukoll li għal Għawdex l-impenn mhux għal min hu aħmar jew blu iżda għal kulħadd għax klima politika stabbli ġġib ix-xogħol għal Għawdex.
Hu temm billi identifika t-tliet prijoritajiet tal-Gvern f’Għawdex: Il-ħolqien tax-xogħol, li Għawdex jara rivoluzzjoni fl-ammonti ta’ proġetti li jsiru u li Għawdex tkun fuq il-mappa internazzjonali għall-investitur u għat-turist.