Tliet ijiem ta’ fidwa fix-Xewkija
Għawdex - Fidi u Tradizzjoni
Ix-xitwa hi l-akbar uġigħ ta’ ras għal Għawdex u l-Għawdxin. Għax hi żmien meta n-negozju f’Għawdex ibatti sew wara x-xhur tas-sajf. Jidher li l-ministeru għal Għawdex flimkien mal-GTA u l-GBC qed jaħdmu bla heda biex f’dawn ix-xhur hekk imsejħa mejta jinħolqu inizjattivi li jagħtu nifs lin-negozju Għawdxi.
Wara s-suċċessi tat-Travel Free Weekend f’Novembru, Betlem f’Għajnsielem, Valentine’s Weekend u bħalissa l-Karnival qed jinħema programm speċjali għal żmien il-festi tal-Għid. Programm imqassam fuq 15-il ġurnata bejn il-5 u l-20 ta’ April li qed jissejjaħ ‘Għawdex – Fidi u Tradizzjoni’. Ħmistax-il ġurnata fejn madwar Għawdex kollu jkun hemm attivitajiet reliġjużi mdawrin mal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu Kristu u t-tradizzjonijiet Għawdxin għal din il-festa tant għal qalb l-Kattoliċi.
Il-lenti għal dawn il-ġranet did-darba se tkun iffukata fuq ix-Xewkija fejn hawnhekk se tingħata pubbliċità kbira għal tlett ijiem speċjali f’dan ir-raħal għal avveniment li qed jissejjaħ Il-Fidwa. Fil-verità dan l-avveniment imur lura għas-sena 2011 fejn il-Kunsill Lokali tax-Xewkija flimkien mal-Għaqda Drammatika Xewkija, kienu ħarġu bl-idea li tittella’ rappreżentazzjoni għal żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa u għalhekk minħabba n-natura unika tiegħu, ġie deċiż li din l-attività tittella’ fil-Ġnien ta’ Blankas, limiti tax-Xewkija, ġnien proprjetà tal-istess kunsill.
Bid-differenza li din is-sena l-avveniment se jingħata anke fondi mill-EcoGozo biex jikber fuq livell Nazzjonali u jkun hemm biżżejjed pubbliċità biex fit-tlett ijiem bejn it-12 u l-14 ta’ April il-pubbliku jkun jista’ jżur dan il-ġnien li jinbidel fil-ġrajja tal-passjoni ta’ Ġesu Kristu. Biex jiġbed turisti Maltin u barranin, dan l-avveniment se jsir ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira, ħalli dawk li jsegwu l-purċissjonijiet fil-lokalitajiet tagħhom madwar Malta u Għawdex ma jitilfu xejn.
Sadattant dan il-ġurnal għandu informazzjoni li għal dawn il-jiem se jkun hemm trasport bla ħlas mix-xatt saċ-ċentru tax-Xewkija u minn hemm wieħed jista’ jsegwi s-sinjali biex jasal fil-ġnien ta’ Blankas jassisti għal Fidwa. Jista’ jkun ukoll li fil-viċinanzi jkun hemm bejgħ ta’ ikel tradizzjonali Għawdxi għal dawn iż-żminijiet bħal Qagħaq tal-Appostli u karamelli tal-ħarrub fost oħrajn.
Hemm diversi attivitajiet oħra li se jsiru madwar Għawdex matul dawn il-ġimagħtejn li jibdew fil-5 ta’ April bl-Imsallab fi Triqatna fir-Rabat. Fejn l-għada, 6 ta’ April jkun hemm il-Via Crucis Nazzjonali mmexxijja mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech f’Ta’ Pinu.
F’Għawdex hemm it-tradizzjoni li fil-belt kapitali Victoria joħorġu żewġ purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, waħda f’Ħadd-il Palm u l-oħra fil-Ġimgħa l-Kbira dawn jalternaw kull sena. Dis-sena l-ewwel waħda se tkun dik tal-Kattidral u dik li se toħroġ fil-Ġimgħa l-Kbira se tkun dik ta’ San Ġorġ. Purċissjonijiet oħra li joħorġu f’Għawdex huma dawk tax-Xagħra, Żebbuġ u Nadur.
Dan il-ġurnal hu infurmat li għal dawn l-avvenimenti reliġjużi u tradizzjonali se jinħareġ brochure bil-ġranet u l-ħinijiet kollha ħalli t-turist li jiddeċiedi li jżur xi waħda jew aktar minn dawn l-avvenimenti jkun jista’ jagħżel b’kumdità.
Opportunità għall-Għawdxin li jitgħallmu kif jużaw il-kompjuter
Dan l-aħħar fix-Xewkija nfetaħ ċentru għat-taħriġ u tagħlim fl-użu tal-kompjuters. Dan il-proġett se jagħti opportunità lil 3,500 Għawdxi u Għawdxija bejn il-25 u l-64 sena biex jitgħallmu jużaw il-kompjuter sew. Dan it-taħriġ se jingħata b’xejn. Iċ-ċentru ngħata diversi laptops provduti mill-Malta Communications Authority li se jservu wkoll biex organizzazzjonijiet volontarji Għawdxin jagħmlu użu minnhom.
Statistiċi juru li 28% tal-Maltin qatt m’użaw internet u Għawdex il-persentaġġ hu ta’ madwar 35%. U dan ifisser li ma jistgħux jużaw is-servizzi li joffru l-eGovernment u l-eHealth, ma jistgħux jixtru minn fuq l-internet, ma jistax ikollhom aċċess għall-internet banking, ma jistgħux jikkomunikaw ma’ qrabathom sew f’Malta kif ukoll barra l-pajjiż permezz ta’ social networks (bħal Facebook u Twitter jew Skype) u lanqas ikunu jafu kif ifittxu jaqraw aħbarijiet dwar dak li qed jiġri madwarhom u madwar id-dinja.