Iż-żgħażagħ Għawdxin iridu leħen li jinstema’

Xi jgħidu ż-żgħażagħ Għawdxin fi ħdan il-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ

Dan l-aħħar kien iffurmat il-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ Għawdxin u għalhekk ħassejt id-dmir li filwaqt li niltaqgħu mill-qrib ma’ dan il-grupp li jifforma dan il-kunsill nitlobhom jagħtuni wkoll l-ideat tagħhom. Fejn jaraw li hu post iż-żagħżugħ Għawdxi u xi jridu jwasslu dawn iż-żgħażagħ għal gżira Għawdxija. Fl-aħħar tlabt ukoll kumment dwarhom lil Ministru għal Għawdex, l-Avukat Anton Refalo.

Ryan Mercieca (25 sena) – President

“L-għanijiet tagħna huma li ninvolvu u nwasslu l-vuċi taż-żgħażagħ Għawdxin fit-tfassil tal-politika għal Għawdex. Dan il-kunsill se jwassal għal viżjoni ċara u ħolistika għal Għawdex u l-Għawdxin. Ħsieb komuni bejnietna ż-żgħażagħ hu li nixtiequ naraw Għawdex b’futur u opportunitajiet, naraw lil Għawdex b’ekonomija b’saħħitha u sostenibbli, naraw lil Għawdex fuq il-livell li jixraqlu.”

Marc Schembri (22 sena) - Viċi President    

“Nixtieq nara aktar possibbiltà ta’ suċċess fil-gżira Għawdxija, kif ukoll żvilupp kulturali u soċjali. Żagħżugħ Għawdxi jista’ jasal fejn irid bħal kull żagħżugħ ieħor. Dan il-kunsill jgħaddi l-għodda liż-żgħażagħ Għawdxin biex iwasslu messaġġ jew jingħaqdu biex verament inwettqu l-bidliet li din il-gżira għandha bżonn. Irridu ngħarfu futur li nkunu kburin bih.” 

Sabrina Portelli (23 sena) - Segretarja

“Irridu nsibu ma’ min niddiskutu d-diffikultajiet li nsibu u li nsemmgħu leħinnha ħalli dawn il-problemi jaslu quddiem l-entitajiet konċernati. B’hekk tittieħed l-azzjoni meħtieġa u tkompli titjieb il-ħajja taż-żagħżugħ Għawdxi. Nemmen li għalkemm ċertu entitajiet jagħtu widen għal dak li jkunu qed jgħidu ż-żgħażagħ Għawdxin dan mhux dejjem iseħħ u ħafna drabi l-problemi li jikkonċernaw lil Għawdxin jaqgħu fuq widnejn torox. Għawdex m’għandux ikun biss il-post li fih wieħed imur biex jirtira, għandu jkun il-post fejn iż-żgħażagħ jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom mingħajr il-ħtieġa li biex javvanzaw iridu joqogħdu jmorru Malta. Kif ukoll il-post li fih ikun hemm opportunijiet ta’ xogħol għal diversi setturi differenti.”

Damien Spiteri (19-il sena) – Uffiċjal Finanzjarju

Il-Kunsill taż-Żgħażagħ ġie mwaqqaf biex iservi ta’ pont bejn iż-żgħażagħ Għawdxin u l-awtoritajiet konċernati u jwassal l-ilmenti u l-problemi li jiltaqgħu magħhom. Iż-żgħażagħ Għawdxin huma kompetenti u għalhekk tajjeb li nilqgħu u nixtarru l-ilmenti tagħhom biex b’hekk ikollna Għawdex aħjar. Il-Kunsilli taż-Żgħażagħ hu indikazzjoni importanti li l-awtoritajiet huma interessati fil-ħsibijiet taż-żgħażagħ Għawdxin. Il-laqgħat mal-awtoritajiet konċernati huma ferm pożittivi biex il-kunsill iwassal it-tħassib taż-żgħażagħ. Fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ ġid għal kulħadd li dan it-tħassib u l-proposti li jiġu mressqa minna ż-żgħażagħ jiġu kunsidrati għax b’hekk inkunu ntejbu l-qagħda tas-soċjetà li lkoll ngħixu fiha. Il-problema ewlenija li għandna f’Għawdex hija l-eżodu tal-imħuħ, bl-Ingliż ‘brain drain’ u għalhekk nemmen li l-ewwel trid tiġi indirizzata din il-problema biex b’hekk iż-żagħżugħ Għawdxi jkollu l-opportunità li jaħdem Għawdex u li ’l quddiem jista’ jwassal sabiex l-istess żgħażagħ jinvestu u jiftħu n-negozji tagħhom u b’hekk l-ekonomija Għawdxija tibqa’ tikber.

Eman Borg (19-il sena) – Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi

L-għan taż-żagħżugħ Għawdxi hu li jistudja u jsib xogħol f’Għawdex għalkemm dan l-istess xogħol kapaċi jkun limitat f’diversi oqsma ż-żagħżugħ xorta jibqa’ jemmen. Il-ħidma minn diversi entitajiet favur iż-żgħażagħ dejjem qed tiżdied però huma bosta żgħażagħ li jħossu li l-opinjoni tagħhom tinstema’ b’mod limitat. Fejn dak li jgħidu huma jitqies biss fantasija taż-żgħożija u dan iwassalhom biex jibqgħu lura milli jesprimu l-ideat tagħhom. Iż-żagħżugħ Għawdxi jrid li bit-talenti tiegħu jwassal lil Għawdex biex isir il-post fejn irabbu l-familji tagħhom, u jitkattar it-turiżmu kemm dak sportiv, mediku u anke kummerċjali.

Alan Cini (28 sena) – Uffiċjal għall-Affarijiet Internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea

Nixtiequ naraw lil Għawdex jiżviluppa f’dak li hu investiment f’oqsma tax-xogħol u edukazzjoni fost l-oħrajn. Sfortunatament leħen l-Għawdxin hu ftit jew xejn mismugħ. Għawdex għandu jibda jingħata l-attenzjoni u l-importanza mistħoqqa.

Francienne Muscat (21 sena) – Uffiċjal Responsabbli mill-Membri

Irridu opportunitajiet ta’ xogħol. Dan il-Kunsill se jkun jista’ jkun vuċi aktar b’saħħitha għaż-żgħażagħ Għawdxin. Se jkun jista’ jwassal l-opinjoni taż-żgħażagħ rigward id-diffikultajiet li jaffaċċjaw huma stess mal-entitajiet u awtoritajiet responsabbli. 

Josmar Saliba (21 sena) – Uffiċjal Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ

Irrid inservi ta’ vuċi effettiva għaż-żgħażagħ Għawdxin filwaqt li naħdem u nippromwovi l-interessi u l-kapaċitajiet tagħhom biex nassigura li jkunu protagonisti kontinwi fis-soċjetà kemm fuq bażi reġjonali kif ukoll nazzjonali. Għalkemm nemmen li fl-aħħar snin żdied aktar l-għarfien u l-opportunitajiet dwar l-isfidi kontinwi taż-żgħażagħ Għawdxin xorta nħoss li ż-żagħżugħ Għawdxi b’differenza minn kull żagħżugħ ieħor, għadu f’sitwazzjoni li jkollu jagħmel deċiżjonijiet ta’ natura obbligatorja minflok jitħalla fil-libertà li jagħmel għażliet. 

Josmar Azzopardi (21 sena) – Uffiċjal għall-Politiki

Nemmen li hemm bżonn vuċi solida biex fl-aħħar iż-żgħażagħ isiru prijorità. Nitħaddtu ħafna fuq li t-tfal, l-adolexxenti u żgħażagħ huma l-futur t’Għawdex, iżda fl-istess nifs ta’ min jinnota li strateġija inklussiva u konkreta għall-futur tagħhom f”Għawdex ma teżistix. Hu żmien li nibdew naħdmu fuq l-eżodu tal-imħuħ u li nġibu l-Għawdex il-mutur ekonomiku tiegħu nnifsu!

“Għawdex għandu bżonnijiet speċjali u allura għandna bżonn trattament speċjali. Irridu nkunu aħna li nkunu pro-attivi u ninsġu politika li verament tkun tinkwadra l-bżonnijiet tagħna”

Christian Azzopardi (21 sena) – Uffiċjal għall-Attivitajiet

Iż-żagħżugħ Għawdxi jista jasal fejn jixtieq hu, illum il gurnata il gżejjer Maltin jinsabu parti mill-unjoni ewropea, b’hekk jekk iż-żagħżugħ jixtieq li jagħmel esperjenza barra billi jistudja jew jaħdem fl-ewropa jista wkoll. Iż-żgħażagħ Għawdxin għandhom bżonn jingħataw aktar importanza, permezz ta’ aktar attenzjoni lejn l-idejat tagħhom u aktar opportunitajiet. Għawdex nixtieq li nara aktar xogħol biex b’hekk ikollna aktar żgħażagħ ta bejn l-eta ta 20 u 35 sena. Hafna żgħażagħ jispiċċaw joqogħdu Malta għax ma jridux joqogħdu jaqsmu bejn il-gżejjer.

Francesco Caruana – Uffiċjal għas-Servizzi taż-Żgħażagħ

Il-kunsill taż-żgħażagħ huwa mgħobbi bir-responsabbiltà li jservi u jgħin lill-adoloxxenti Għawdxin li jixtiequ jiżviluppaw l-ideat tagħhom u ma jistgħux. S’issa ż-żagħżugħ Għawdxi għadu ma ngħatax il-leħen li jistħoqqlu iżda, bl-għaqda u bir-rieda għal ħidma intensiva li tinstab f’dan il-Kunsill, nemmen li kapaċi naqdu lil dawn iż-żgħażagħ bl-aħjar mod possibbli biex ma jkunux aktar limitati.

Anton Refalo – Ministru għal Għawdex

Din hi wegħda oħra ta’ dan il-gvern biex verament tingħata vuċi liż-żgħażagħ tagħna u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ Għawdex. Il-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ għandu l-għan li jkun vuċi effettiva għaż-żgħażagħ Għawdxin u jgħinhom jipparteċipaw b’mod aktar effettiv fil-ħajja amministrattiva, soċjali, ekonomika, kulturali u edukattiva tal-gżira. Jgħin ukoll lill-gvern li jsib interlokutur għas-settur. Mill-bidu nett ta’ din il-leġislatura, il-Ministru għal Għawdex beda jiltaqa’ mal-istakeholders biex jifhem iktar il-bżonnijiet taż-żgħażagħ Għawdxin. Ilkoll nafu x’inhuma l-bżonnijiet tagħna l-Għawdxin minħabba l-insularità doppja: Għawdex għandu bżonnijiet speċjali u allura għandna bżonn trattament speċjali. Irridu nkunu aħna li nkunu pro-attivi u ninsġu politika li verament tkun tinkwadra l-bżonnijiet tagħna. Nemmen bis-sħiħ li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fuq il-mejda tal-konsultazzjoni u niddiskuti magħhom każijiet pertinenti kontemporanji li huma ta’ interess għall-iżvilupp.

More in G?awdex