Xogħol ta’ tisbiħ fil-pjazza tal-Qala
Il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo u s-Sindku tal-Qala l-Perit Clint Camilleri, inawguraw ix-xogħol ta’ tisbiħ li sar fil-pjazza tal-lokalità tal-Qala.
Dan huwa proġett li biddel viżibbilment iċ-ċentru ta’ dan ir-raħal, raħal fejn iċ-ċentru tiegħu huwa mfittex mill-Qalin u mill-viżitaturi li jżuru l-lokalità. Il-pjazza tal-lokal hija verament iċ-ċentru tal-kummerċ u fiha jsiru bosta attivitajiet li jinkludu l-Qala International Folk Festival.
Il-proġett ġie parzjalment iffinanzjat minn fondi nazzjonali li ngħataw mill-Ministru għal Għawdex, minn fondi tal-Kunsill kif ukoll minn fondi Ewropej. Il-Ministru Refalo elenka li huwa jemmen li s-suċċessi li nkisbu kienu, għadhom u jibqgħu frott il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-istakeholders kollha involuti fis-setturi varji.
Il-Ministru għal Għawdex saħaq li Għawdex għandu ekonomija li hija differenti minn ta’ Malta għaliex tiddependi b’mod aktar sħiħ fuq it-turiżmu domestiku u għalhekk huwa importanti li dan is-settur jingħata l-importanza neċessarja. Bħala Ministeru għal Għawdex, il-Ministru qal li għandna nħarsu lejn l-iżvillupp sostenibbli tal-gżira, il-kultura u r-riżorsi naturali flimkien mal-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer bħala s-sinerġija ideali biex naraw lil Għawdex jagħmel il-qabża tal-kwalità li jmiss.