It-tnedija tal-pjanti l-ġodda taċ-Ċittadella
Il-pjanti l-ġodda taċ-Cittadella se jkunu esebiti fil-Ministeru għal Għawdex
Ftit tal-jiem ilu ġew ippreżentati l-pjanti ġodda tal-entratura taċ-Ċittadella. Dawn issa jinkorporaw fihom il-passaġġ oriġinali li kien iwassal għall-bieb tal-belt li nstab meta kienu qegħdin isiru xogħlijiet ta’ tħammil qrib il-bieb l-antik taċ-Ċittadella. Dan it-tibdil fil-pjanti sar biex dawn is-sejbiet ikunu jistgħu jiġu ppreservati u jitgawdew minn kull min iżur liċ-Ċittadella. L-integrazzjoni ta’ dawn il-fdalijiet storiċi fid-disinn tal-entratura taċ-Ċittadella żgur li se jikkontribwixxu biex il-viżitaturi fiċ-Ċittadella jkollhom esperjenza aktar pożittiva u awtentika ta’ dan il-post storiku.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet intensivi fuq partijiet differenti ta’ dan is-sit bħala parti mill-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Masterplan taċ-Ċittadella. Dawn jinkludu xogħlijiet fuq il-ġibjuni tal-ilma li se jinbidlu f’ċentru għall-viżitaturi, l-installazzjoni ta’ servizzi taħt l-art u l-pavimentar tat-triqat taċ-Ċittadella u t-tindif tar-rovini. Tlestew ukoll ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata tal-kappella storika ta’ San Ġużepp, il-Palazz tal-Isqof Cagliares u l-faċċata tal-Mużew tal-Folklor. Bħalissa qiegħed jiġi konkluż ix-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċati tas-sagristija u tal-Awla Kapitulari.
Il-pjanti l-ġodda taċ-Ċittadella se jkunu esebiti fil-Ministeru għal Għawdex kif ukoll fl-uffiċċju tal-UNESCO fix-Xewkija.