Magro Brothers jagħsru 10,000 tunellata ta’ tadam f’seba’ ġimgħat
Għaxar tadamiet magħsura għal kull bott kunserva
Qatt kontu tafu li f’bott kunserva ikun hemm 10 tadamiet magħsura? Qatt kontu tafu li f’kull bott passata jkun hemm 5 tadamiet magħsura? Qatt kontu tafu li f’kull bott ketchup jkun hemm 15-il tadama magħsura? Qatt kontu tafu li t-tadama jkun fiha 95% ilma? Qatt kontu tafu li l-kunserva tat-Three Hills ilha ssir 80 sena?
Dan kollu sirna nafuh meta morna nitkellmu ma’ John Magro, il-proprjetarju ta’ Magro Bros li jagħsru 83% tat-tadam kollu f’Malta u Għawdex. John Magro meta jibda jitkellem fuq il-kumpanija immensa tiegħu tara għajnejh jixgħelu. Fejn jidħol tadam hu espert. Esperjenza li ġabha minn meta missieru u ħutu fl-1934 (80 sena ilu) għamlu l-ewwel bott kunserva.
Il-fabbrika ta’ Magro Bros li tinsab fix-Xewkija hi waħda state of the art, fejn iħaddmu 150 ħaddiem full time barra ħaddiema oħra bħal trasportaturi, bdiewa u anke printing eċċ. Illum huma esportaturi ewlenin tal-prodotti tat-tadam u anke bizzilla u melħ lejn l-Ewropa kollha u anke l-Ġappun.
Dan hu żmiem l-għasir tad-tadam, fil-fatt ħdejn il-fabbrika ta’ Magro Bros hu mimli kaxxi kbar mimlija tadam fejn anke dawwarni mal-proċess kollu kif jingħasar it-tadam u jsir kunserva, polpa, sugu u ketchup. Bħalissa però l-fabbrika għaddejja 24 siegħa kuljum tagħsar it-tadam. Fejn ma jasalx il-bniedem għandu tliet robots li jagħżlu t-tadam it-tajjeb, ineħħu ż-żerriegħa minn ġot-tadam u jikkonċentrawh għal kunserva.
Għalkemm it-tagħsir isir minn l-ewwel ġimgħa ta’ Lulju sa l-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu, ix-xogħol jibda jinħema minn Jannar meta Magro Bros jagħmlu l-kuntratti mal-bdiewa u jqassmu ż-żerriegħa li tinġieb minn barra, dan barra l-għajnuna teknika li tingħata lill-istess bdiewa.
Il-kuntratti jsiru fuq tliet żoni partikolari, waħda Għawdex, l-oħra t-Tramuntana ta’ Malta (li hi l-akbar waħda u kważi daqs Għawdex sħiħ) u l-oħra fin-nofs ta’ Malta. “Kollha għandhom partikolaritajiet differenti iżda aħna nħalltuhom meta jinġabru. Però t-tadama tat-Tramuntana ta’ Malta hi waħda aktar bikrija u tagħmel il-frott qabel l-oħrajn kollha. Dan minħabba x-xemx u l-ħamrija nnifisha ta’ din iż-żona ta’ Malta” qalilna John Magro.
Magro Bros jagħsru madwar 10,000 tunellata ta’ tadam f’dawn is-seba’ ġimgħat, li hi l-85% tat-tadam kollu li jiġi prodott f’Malta u Għawdex, “u minnu aħna ma naħlu xejn. Għax aħna meta jinqata’ t-tadam li jsir bl-idejn, nittrasportawh mill-ewwel għax dan hu l-vantaġġ li aħna żgħar u m’hemmx tul wisq biex jasal għat-tagħsir. Normalment jiġi trasportat bil-lejl ħalli jiffranka x-xemx u t-trasportaturi ma jsibux kjuwijiet biex jitilgħu fil-vapur.”
John Magro qalilna li t-tadam ġieh 95% tiegħu ilma u għalhekk biex issir il-kunserva jridu jingħasru fuq ratio ta’ 5.6:1 tadam. Qalilna wkoll li l-ketchup isir fix-xitwa fejn il-konċentrat tiegħu hu ogħla mill-kunserva. “Aħna nneħħu l-ilma mit-tadam permezz ta’ vacuum u għalhekk hi perċezzjoni li ħafna jgħidu li l-kunserva tkun imħallta bl-ilma għax il-kunserva biex issir trid tneħħilha l-ilma u mhux iżżidha.”
Magro Bros jittrasportaw kunserva l-Awstralja, l-Ingilterra u l-Irlanda u f’xi postijiet oħra fl-Ewropa. Filwaqt li ketchup jesportaw anke l-Ġappun. Huma għandhom kuntratti ma’ supermakets kbar biex jesportaw il-prodotti fuq isem is-supermarkets. Qalilna wkoll li l-ħxejjex aromatiċi li jitpoġġew fil-kunservi li fihom in-nagħniegħ, ħabaq eċċ kollha huma friski u ma jkunux imnixxfa.
Dan kollu wassal biex ingħataw iċ-ċertifikat ta’ A+ mill-BRC (British Retail Consortium Standard) li hu l-ogħla grad ta’ ċertifikazzjoni u ċċertifikati mill-ISO bħala sigurtà tal-ikel fl-Ewropa li hi l-ewwel kumpanija li għandha dan iċ-ċertfikat f’Malta. “Dawn iċ-ċertifikati ma jiġux mix-xejn għax dawn jiġu għall-għarrieda minn barra jiċċekkjawk. Għalhekk trid tkun preparat il-ħin kollu għax dawn iċ-ċertfikati jgħinuk biex issib swieq barra l-pajjiż.”
Qabel morna nżuru l-fabbrika, John qalli fuq l-istorja ta’ Magro Bros, fejn in-negozju beda min-nannu li kien kupratur, jiġifieri jixtri prodotti tal-bdiewa Maltin, jeħodhom Malta u jibdilhomlom ma’ affarijiet oħra bżonjużi, bħal għamara eċċ.
Imbagħad fl-1916 missieru Manwel u żewġ ħutu Ġużepp u Wiġi ħadu n-negozju f’idejhom u bdew jimpurtaw u jesportaw il-bizzilla barra minn Malta. Fl-1934 tħajru jibdew jagħsru t-tadam. “Iżda kien diffiċli għax dak iż-żmien il-bdiewa Għawdxin kienu jipproduċu l-qoton u mhux tadam. U bil-qoton kienu jagħmlu bartering ma’ oġġetti oħra. Għalhekk missieri u z-zijiet qalulhom li huma lesti jagħtuhom flus għat-tadam flok tpartit u l-bdiewa qalbu kollha għat-tadam għax dak iż-żmien ma kienx hawn flus fl-idejn. It-tadam ingħata l-isem ta’ cash crop f’Malta għax kien l-uniku prodott agrikolu li jitħallas bil-flus monetarji.
Fl-1977 John u ħuh Michael xtraw il-kumpanija mingħand il-kuġini tagħhom u bdew imexxu u jkabbru l-kumpanija tagħhom. Fejn Michael li mhux miżżewweġ għadda l-ishma tiegħu lill-ulied John u għalhekk il-kumpanija illum hi mmexxija minn John u t-tliet uliedu.
Din is-sena l-kunserva Three Hills tagħlaq 80 sena u l-kumpanija ta’ Magro Bros hi bla dubju waħda mill-akbar kumpaniji f’Malta, mertu kbir għal ħolma tal-aħwa Manwel, Ġużi u Wiġi.