L-aqwa Santa Marija fl-aħħar seba’ snin għall-Għawdxin

Ma baqax postijiet fejn jitrakkaw id-dgħajjes

L-1,734 sodda li hemm fid-disa’ lukandi Għawdxin huma meħuda kollha minn turisti barranin
L-1,734 sodda li hemm fid-disa’ lukandi Għawdxin huma meħuda kollha minn turisti barranin

L-istatistika ma toħroġx biss min-numri tal-uffiċċju tal-istatistika, iżda toħroġ ukoll meta titkellem mal-persuni kkonċernati. Għalhekk il-gazzetta ILLUM matul il-ġimgħa li għaddiet inġarret mal-kurrent ta’ eluf ta’ Maltin u telgħet Għawdex titkellem u tgħarrex dwar dak li qed jiġri f’din il-gżira tat-tliet għoljiet għal festa ta’ Santa Marija.

It-toroq kollha tal-belt kapitali Għawdxija kienu kollha miżgħudin b’Maltin u turisti (fil-maġġoranza tagħhom Taljani) iduru l-ħwienet kummerċjali ta’ Victoria fejn ikunu lesti b’diversi offerti speċjali għal dan iż-żmien li tant ikun ilhom jistennew. Biex issib lukanda trid tibbukkja kmieni fis-sena, filwaqt li anke l-Maltin li għandhom proprjetà f’Għawdex jekk ma jitilgħux huma jgħaddu din il-proprjetà lil familjari tagħhom f’dan il-perjodu. Fenomenu ieħor li dan il-ġurnal sar jaf hu li hemm nies li għandhom id-dgħajjes u xtaqu jitilgħu Għawdex sabu li m’hemmx post mal-puntuni fejn jorbtu d-dgħajjes. 

L-ILLUM tkellem ukoll ma’ xi sidien tar-ristoranti u anke mas-CEO tal-Gozo Tourism Association.

Kenneth Cutajar li għandu ristoranti f’Marsalforn u x-Xlendi qalilna li dan hu żmien ta’ negozju tajjeb ħafna. Qalilna li t-turisti jmorru jieklu kmieni u l-Maltin imorru aktar tard. “Wara l-11pm ir-ristoranti tagħna nibdluhom f’bars fejn il-Malti jibqa’ jiddeverti.” Kenneth qalilna li dis-sena kienet waħda ta’ suċċess għal Marsalforn għax il-Ministeru għal Għawdex qata’ x-xewqa tar-ristoranti f’Marsalforn u tahom spazju fuq il-bankini faċċata tar-ristoranti tagħhom fejn jistgħu jagħmlu iżjed imwejjed, “dan kellu effett kbir fin-negozju tagħna fejn ilna minn żmien it-Tazza tad-Dinja b’xogħol ma jieqaf qatt.”

Morna x-Xlendi u sibna kull mejda fir-ristoranti kollha mimlijin. Hawn tkellimna ma’ Frank Said ristorant tal-uniku ristorant Indjan f’dan il-lokal. “Dan il-perjodu nistennewh u din bla dubju kienet l-aqwa Santa Marija f’dawn l-aħħar seba’ snin. Ma kienx hawn Maltin biss iżda ħafna turisti. Kemm ilu jeżisti t-Trip Advisor, Għawdex u r-ristoranti tiegħu qed ikunu frekwentati ħafna. Ix-Xlendi hu differenti minn Marsalforn, min jiġi hawn jiġi biex jiekol, għax hawn għandu xeħta isbaħ għall-ċena, Marsalforn imorru ħafna wkoll għal passiġġati tal-familja u xi xarba.” Mistoqsi għaliex jaħseb li dan il-perjodu hu daqstant imfittex mill-Maltin, Frank qalilna, “mhux vera li l-Maltin jiġu għax ma jkollhomx biex imorru vaganza barra pajjiżna, għax hawn jiġu ħafna li għandhom biex jagħmlu aktar minn vaganza waħda, jiġu hawn għax issa saret tradizzjoni li għal Santa Marija jiġu Għawdex. Però nafu wkoll li huma l-ħafna Maltin li qed jistennew din il-ġimgħa tgħaddi u issa tiġi mewġa oħra fil-ġimagħtejn li ġejjin.”

Joe Muscat iċ-ċermen tal-GTA qalilna li bħal dejjem dan hu l-weekend l-aktar b’saħħtu għal Għawdex, “speċjalment li din id-darba l-festa ħabtet eżatt fi tmiem il-ġimgħa, dan għen biex min ġie Għawdex kompla tawwal il-vaganza tiegħu b’żewġt iljieli aktar. L-1,734 sodda li għandna fid-disa’ lukandi li hawn Għawdex huma kollha meħuda minn turisti barranin u huma l-ftit Maltin li rnexxielhom isibu xi post fil-lukandi tagħna. Għalhekk il-Maltin marru fil-farmhouses u fl-appartamenti l-oħra. Il-Malti li għandu xi proprjetà f’Għawdex jew imliha hu stess inkella għaddiha lil xi familjari tiegħu. In-negozju hu wieħed qawwi fejn ir-ristoranti kollha, anke dawk fil-villaġġi l-oħra barra Marsalforn u Xlendi qed ikunu ppakkjati kollha. Barra hekk is-supermarkets sejrin tajjeb ukoll għax qed ibigħu ħafna lil dawk li krew farmhouses u jorganizzaw BBQs ħdejn il-pixxina” temm Joe Muscat.

More in G?awdex