Birra Għawdxija b’differenza
Il-birra artiġġjanali tal-Għawdxin
Żagħżugħ Taljan ta’ 28 sena minn Novara, Samuele D’Imperio hu accountant u awditur, ħadem anke Sydney mad-ditta famuża Deloitte. Missieru għandu kumpanija ta’ fiduċja, jew kif inhuma magħrufa aħjar, ‘trust company’ f’Milan, iżda Samuele għażel triq oħra.
Ried sfida ġdida u ddeċieda li jiftaħ birrerija f’Għawdex. Birrerija b’differenza, birrerija li toffri birra ta’ karattru, birra artiġġjanali li f’Malta u Għawdex qatt ma kien hawn. Birra li tiswa d-doppju ta’ birer oħra kummerċjali, iżda birra b’togħmiet differenti, birra mingħajr preservattivi u mingħajr ingredjenti artifiċjali.
Għaliex birra u għaliex Għawdex?
Minn meta kont tifel kont niġi Għawdex mal-ġenituri tiegħi li ilhom jiġu hawn 25 sena. Għawdex sirt inħobbu. Togħġobni l-kultura Għawdxija, l-ospitalità tagħhom u li għad baqa’ l-valuri, barra li tħossok safe f’din il-gżira. L-Italja tlifna dan kollu. Anke t-traffiku hawn f’Għawdex bla problemi ta’ xejn. Jekk tinqabad fi traffiku idum biss xi ftit minuti, filwaqt li l-Italja ddum sigħat sħaħ. Għalhekk Għawdex. Birra għax inħobb nixrob il-birra u missieri kompla jħeġġiġni biex nieħu bis-serjetà din l-isfida.
Samuele ddeċieda li jinvesti miljun ewro f’birrerija ta’ kwalità għolja ħafna. Fil-fatt din il-birra ma tistax tqabbilha ma’ birer li mdorrijin nixorbu. Għax hi birra ta’ karattru bħall-inbid. Fil-fatt il-‘master brewer’ hu Andrea Bertola li hu Taljan b’esperjenzi kbar fi Franza, l-Ingilterra u anke l-Belġju fejn qatta’ sentejn jagħmel il-birra mal-Benedittini.
Samuele qal li mhux f’kompetizzjoni ma’ birreriji oħra Maltin, “iċ-Cisk hi birra tajba ħafna iżda hi birra industrijali. Tagħna mhux birra pasturizzata. L-uniku ħaġa li hemm l-istess hi biss l-isem għax tissejjaħ birra, il-bqija mhux l-istess. Il-birra tiegħi hi birra ħajja u fiha żewġ fermentazzjonijiet. Il-birra tiegħi tibqa’ tiffermenta fil-flixkun għax it-tapp hu l-istess bħax-xampanja u jiswa 300 darba aktar minn tapp normali tal-birra industrijali. Il-birra tagħna ma ddumx aktar minn 18-il xahar għax hi fermentata naturali. Ir-ragħwa tagħha hi naturali u fit-tieni fermentazzjoni fil-flixkun tinħema ragħwa naturali miz-zokkor u mill-malt. Fil-fatt il-fliexken tagħna jitpoġġew bħal fliexken tax-xampanja mimdudin għal sebat ijiem qabel jitpoġġew fil-kaxxi tagħhom.
Il-birra jisimha Lord Chambray. Għax ħames snin ilu l-familja ta’ Samuele xtraw post fil-forti Chambray fejn jgħix flimkien ma’ Valeria u għalhekk taha dan l-isem, Lord Chambray li fil-qosor wieħed jista’ jsejħilha LC. Hemm tliet kwalitajiet ta’ din il-birra:
Il-Blue Lagoon li hi magħmulha fuq stil Belġjan bħalma jagħmlu l-patrijiet. Magħmulha minn xgħir, hops, larinġ qares, kosbor u ħafur.
Il-Golden Bay ale stil Ingliż magħmula minn malt Belġjan u hops Ingliż u Amerikan.
San Blas fuq stil ta’ Pale Ale Amerikana. Il-proċess tagħha hi ta’ hops niexef u jżidulu iżjed waqt li qed tiffermenta u ddum sebat ijiem tiffermenta.
Din il-birra tal-aħħar l-aktar waħda li għoġbitni fejn it-togħma tagħha m’għandha x’taqsam xejn mal-birra industrijali. Fil-fatt din il-birra tinżel tajjeb mal-laħam mixwi, mal-ġobon matur, żebbuġ u salami.
It-tliet ismijiet tal-birra huma tliet ismijiet ta’ tliet bajjiet mit-tliet gżejjer li jiffurmaw Malta.
Meta staqsejtu x’għandha Għawdxija l-birra, Samuele qalli li l-ilma hu Għawdxi u anke l-kosbor, il-bqija kollox ġej mill-Belġju, l-Ingilterra u l-Istati Uniti, bħal kull birra oħra għax iċ-ċereali li bihom ssir il-birra hawn Malta ma jeżistux.
Il-produzzjoni tal-birra tieħu 12-il ġurnata fix-xahar u dawwarni mal-makkinarju ta’ din il-fabbrika żgħira iżda nista’ niggarantilkom li hi bellezza, fejn l-indafa u l-iġene huma prijorità.
Hawnhekk naħdmu tlieta min-nies, il-master brewer li jiġi mill-Belġju għal waqt il-produzzjoni, jien u t-tfajla li ma niħdux paga. Matul il-produzzjoni nħaddem tliet żgħażagħ Għawdxin part time biex nitfgħu l-birra fil-fliexken.
Il-makkinarju hu kollu tal-azzar u skont Samuele l-magna tal-ibbottiljar hi l-“Ferrari” tal-ibbottiljar.
Mistoqsi jekk il-prezz għoli tal-birra jbiegħedx lin-nies li jixtruha, qalli li din hi birra ta’ kwalità għolja u għalhekk trid tħallas prezz għoli għax tiswa ħafna biex tiġi prodotta, “din mhix produzzjoni tal-massa.”
Barra hekk l-ilma li jintuża hu tal-vit iżda jiġi infiltrat bis-sistema Reverse Osmosis.
“Samuele jemmen li l-Għawdxin għandhom biex ikunu kuntenti li għandhom il-birra tagħhom għax għalkemm hu Taljan, hu parti minn Għawdex u l-fabbrika hi Għawdxija”
Min irid iduq din il-birra jista’ jmur il-fabbrika ċkejkna iżda ta’ kwalità għolja, fejn tista’ dduq il-birra b’xejn u anke jagħtuk dawra mal-fabbrika. Il-fabbrika Lord Chambray Limited tinsab fil-kumpless Gozitano fix-Xewkija u dawk li forsi jkunu jridu jmorru bħala grupp jistgħu jċemplu lil Samuele fuq 79559340 u jagħmlu appuntament.
Qabel tlaqt Samuele qalli li kull min qed imur iduqha qed tgħoġbu u għandu rispons tajjeb ferm mill-Maltin, mill-Għawdxin u l-aktar l-Ingliżi li qalulu li ilhom ma jduqu birra daqshekk tajba!
Samuele jemmen li l-Għawdxin għandhom biex ikunu kuntenti li għandhom il-birra tagħhom għax għalkemm hu Taljan, hu parti minn Għawdex u l-fabbrika hi Għawdxija.
Birra ta’ kwalità li tkompli tgħolli l-livell ta’ din il-gżira ta’ kalibru.