L-artist Għawdxi bi stil inimitabbli

Vince Caruana, Għajnselmiż ta' 35 sena. 

“Fil-pitturi tiegħi wieħed jista’ jara diversi knejjes” – Vince Caruana
“Fil-pitturi tiegħi wieħed jista’ jara diversi knejjes” – Vince Caruana
“Hi l-idea li tagħmlek artist u l-idea tagħmel id-differenza bejn artist u ieħor”
“Hi l-idea li tagħmlek artist u l-idea tagħmel id-differenza bejn artist u ieħor”

Iddeċidejt li mmur niltaqa ma’ artist żagħżugħ fl-istudio tiegħu Għajnsielem. Kif dħalt xammejt riħa mill-isbaħ ta’ xemgħa mfewħa f’ambjent ta’ mużika rilassanti mill-film ‘The Mission’. Kont biss għaxar metri bogħod mit-triq u ħassejtni f’dinja oħra, imdawwar b’pitturi mill-aktar uniċi, b’kuluri li jagħtu timbru biss lil Vince Caruana.

Żagħżugħ Għajnselmiż ta’ 35 sena miżżewweġ lil Kirby. Minn tfulitu kellu ħolma li jkun artist u jgħix ħajja bħala artist professjonali, “imxejt wara l-ħolma tiegħi b’mod naturali” beda jgħidli Vince waqt li fetaħli flixkun inbid Chianti, kumbinazzjoni komplejna mal-ambjent artistiku meta wieħed ikun jaf li dan l-inbid ġej mill-belt tal-Arti, Firenze.

Vince esebixxa x-xogħol tiegħu f’diversi istituzzjonijiet internazzjonali, galleriji u mużewijiet li jinkludi wkoll fil-Louvre ta’ Pariġi. Studja fil-Malta School of art, fi Scranton Pennsylvania u ħa l-Masters fl-arti viżwali mill-Akkademja tal-Belle Arti ta’ Firenze. Dan l-aħħar temm kors professjonali ta’ ‘etching’ u ‘printmaking’ fi Slade School tal-Fine Arts f’Londra.

Fost il-klijenti distinti tiegħu hemm Dr Eddie Fenech Adami u Alejandro Amenabar id-direttur tal-films Ċilen/Spanjol. Bosta biċċiet ta’ arti tiegħu jinsabu għall-wiri f’kollezzjonijiet f’istituzzjonijiet famużi bħal Madiera International Arte Bienal u Museo Casa da Luz fil-Portugall, Tempra Academy f’Connecticut, l-Amerka, Akademia Klausenhof f’Hamminken fil-Ġermanja u l-Cultural Christiane Peugeot f’Pariġi.

Vince jqatta’ l-ġurnata tiegħu fl-istudio tiegħu jpitter u filgħaxija jgħallem l-arti Għawdex. 

L-istil li jpitter bih Vince hu wieħed uniku, li meta tara pittura tiegħu tagħrafha mill-ewwel. Jissejjaħ Geometric Abstaction. “Nippreferi li nkun differenti milli l-aħjar għax nemmen li artist għandu jkun uniku. Ma jfissirx li ma ġejtx influwenzat minn xi perjodu, fil-fatt kont influwenzat mill-perjodu Ingliż tal-pre-Raphaelite tal-1800. Iżda nagħmilhom fuq l-istil tiegħi għax jien ngħix fil-pitturi tiegħi. Kien hemm perjodu li kont npinġi ħafna dgħajjes u fil-pitturi tiegħi wieħed jista’ jara diversi knejjes. Dawn mhux knejjes partikolari anke jekk xi ħadd jaħseb li hi xi knisja partikolari, ħafna minnhom huma fittizzji, ġejjin mill-fantasija ta’ moħħi. Nammetti iżda li ħafna xenarji jkunu ġejjin mill-gżira tiegħi, għax pajjiżi hu l-jien.”

Tkellimt miegħu dwar li Għawdex hemm ħafna artisti u anke dilettanti tal-arti, Vince qalli li hu minnu li x-xena artistika hi waħda kbira f’Għawdex, però qalli wkoll li ħafna minnhom hi mqabbda mal-arti sagra u klassika.

Hu kompla jkellimni u qalli li tista’ titgħallem it-teknika tal-pittura u dan jagħmlek ‘craftsman’ iżda hi l-idea li tagħmlek artist u l-idea tagħmel id-differenza bejn artist u ieħor. “Ġieli titlaq b’idea u tispiċċa b’oħra. Ħafna drabi l-idea tiżviluppa skont il-burdata tiegħek.”

Innutajt ukoll li fil-pitturi tiegħu juża ħafna l-vjola u l-aħmar. “Il-vjola ndaħħlu f’kollox u l-aħmar hu jien. Iżda l-kuluri li nuża nagħmilhom tiegħi għax kull kulur inħammġu b’kulur ieħor.”

Vince qalli wkoll li pittur mhux mass productive, kull biċċa xogħol għandha l-ħin tagħha. “Meta tkun qed tagħmel biċċa arti qatt ma taħseb fil-bejgħ tagħha, anke jekk bl-arti tiegħek trid tgħix. Kull meta tbigħ pittura tħossok tinqata’ minnha iżda fl-istess ħin dik tkun l-ambaxxatriċi tiegħek.” 

L-artist żagħżugħ qalli wkoll li llum il-ġurnata l-ġenerazzjoni l-ġdida saret tfittex arti unika u mhux stampi biex isebbħu d-djar tagħhom. “Illum kulħadd jaf li investiment f’biċċa arti tfisser li se tkun parti mill-ambjent u kull biċċa arti tista’ tgħix magħha għax hi ħajja.”

Tlabtu jgħidli jekk għandux ħolm ieħor wara li l-ħolma tiegħu saret realtà meta għex permezz tal-arti, “li nibqa’ nipproduċi u li nkun parti mill-futur u mhux parti mill-passat għax l-arti tevolvi bħan-natura jekk tibqa’ staġnat ma tagħmilx sens li tgħix” temm Vince.

“Irrid nibqa’ nipproduċi u nkun parti mill-futur u mhux parti mill-passat”

Iż-żagħżugħ Għajnselmiż xtaq ukoll jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu meta ngħata l-inkarigu li jagħmel id-disinn tat-tmien qniepen li saru fil-knisja t’Għajnsielem bi tmien bejatudnijiet. “Kienet esperjenza mill-isbaħ u li tkun taf li int se tkun parti minn wirt artistiku li jibqa’ għal żmien twil warajk hi xi ħaġa li tagħtik sodisfazzjon enormi.” Fil-fatt issa ngħata l-inkarigu wkoll li joħloq id-disinji ta’ erba’ arloġġi li jitwaħħlu mal-kampnar ta’ Għajnsielem. Erba’ arloġġi, b’kunċett tal-erba’ evanġelisti, l-erba’ staġuni u l-erba’ elementi, Disinni fuq ħġieġ u rħam b’kuluri inimitabbli ta’ Vince Caruana.

Sadattant qabel tlaqt qalli li meta kien jistudja Firenze tgħallem li kull artist, ikun ġej minn liema pajjiż ġej iġorr il-bagalja kulturali tiegħu u b’hekk jintgħaraf minn xogħlu għax kull biċċa xogħol toħroġ mill-bagalja tiegħu. 

Min irid jara eżatt ix-xogħol inimitabbli ta’ Vince Caruana jista’ jidħol fis-sit elettroniku http://www.vincecaruana.com/

More in G?awdex