Sajf stupend għal Għawdex
minn Anton Refalo - Ministru għall-Għawdex
Forsi l-iktar mistoqsija tqila li tista’ ssir lill-istudenti tal-ekonomija hija: tista’ gżira ċkejkna, maqtugħa għaliha, bogħod miċ-ċentri finanzjarji, industrijali u kulturali, tiġġenera attività ekonomika sinifikanti, b’mod li ssir sostenibbli? Imma din hi proprju l-isfida li l-partit Laburista għamel lilu nnifsu meta poġġa bħala waħda mill-forċini elettorali tiegħu l-impenn li jġib xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Malli l-partit Laburista kiseb il-fiduċja tal-elettorat, dan l-impenn sar il-programm tal-Gvern.
Mod immedjat kif wieħed jista’ jiġġenera x-xogħol f’Għawdex huwa billi xogħol tas-settur pubbliku li jista’ jsir minn din il-gżira jiġi ttrasferit minn Malta; u hekk sar, bil-konsegwenza li f’dawn l-aħħar xhur bosta Għawdxin ħadu r-ruħ għax bdew jaħdmu f’Għawdex minflok f’Malta, bit-tbatija u spejjeż li jinvolvi t-traġitt ta’ kuljum. Iżda għal raġunijiet notorji, mhux possibli li kulħadd jidħol impjegat mas-settur pubbliku. Jinħtieġ li jiġi attivat is-settur privat. Sakemm inkunu f’pożizzjoni li nerġgħu nattiraw l-investiment barrani dirett f’Għawdex – għax dan jieħu ż-żmien u jirrikjedi ċerta infrastruttura – ħassejna l-bżonn li noħolqu x-xogħol permezz ta’ miżuri li jħallu l-frott b’mod immedjat. Kien għalhekk li sa mill-ewwel jum tal-Gvern fassalna strateġija biex nattiraw it-turiżmu lejn Għawdex, kemm estern kif ukoll intern.
M’hemmx dubju li ma nkunux qegħdin niftaħru fil-vojt jekk ngħidu li din l-istrateġija kienet suċċess mill-aqwa; saħansitra lil hinn mill-aspettattivi tagħna stess. Dan jixhdu l-għadd ta’ passiġġieri u vetturi li qasmu permezz tal-Gozo Channel matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija, li matulha ’l fuq minn 70,000 passiġġier qasmu minn Malta għal Għawdex –
Żieda ta’ 3% fuq is-sena 2013;
Żieda ta’ 9% fuq is-sena 2012;
Żieda ta’ 13% fuq is-sena 2011;
Ġew trasportati ’l fuq minn 18,000 vettura;
Żieda ta’ 2.5% fuq is-sena 2013;
Żieda ta’ 6.2% fuq is-sena 2012;
Żieda ta’ 12.7% fuq is-sena 2011;
Għal kull vjaġġ, fil-ġimgħa ta’ Santa Marija tal-2014 il-Gozo Channel għabbiet 292 passiġġier filwaqt li fl-2011 għabbiet 254 passiġġier. Għabbiet medja ta’ 74 vettura mqabbel ma’ 64 vettura fl-istess ġimgħa fl-2011.
It-titjib fis-settur turistiku f’Għawdex mhuwiex ristrett għall-ġimgħa ta’ Santa Marija biss. Skont l-aħħar statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, sal-31 ta’ Mejju 2014 Għawdex irreġistra żieda ta’ ljieli fil-lukandi ta’ 7% fuq l-2013 u ta’ 22% fuq is-sena 2010.
Dan isarraf f’żieda ta’ kważi 4,000 lejl fuq is-sena 2013 u żieda ta’ 18,500 lejl fuq is-sena 2010. Din iż-żieda turi żewġ xejriet pożittivi:
L-ewwel: Għawdex qiegħed jirnexxilu jkattar it-turisti fl-istaġuni l-kwieti (low and shoulder months) kif fil-fatt huma x-xhur Jannar sa Mejju. Tant hu hekk li f’Jannar 2014 biss, kien hemm żieda impressjonanti ta’ 49% ta’ ljieli ta’ turisti barranin.
It-tieni: Anke t-turisti Maltin żdiedu fl-istess xhur. Tant li kien hemm żieda ta’ 10% ta’ turisti Maltin li qagħdu fil-lukandi u l-guest houses. Din iż-żieda kienet iffaċilitata minn żewġ inizjattivi li ħadu l-Gozo Channel u l-Ministeru għal Għawdex fi Frar u f’Mejju – il-Valentine’s Special Weekend u Jum l-Omm.
Fis-sena 2013, l-ammont ta’ ljieli minn turisti barranin laħaq 972,000. Is-settur turistiku Għawdxi huwa kunfidenti li għall-ewwel darba fl-istorja, din is-sena 2014, Għawdex se jkollu rekord t’iktar minn miljun turist barrani.
Minn ċifri uffiċjali, maħruġin mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, jirriżulta li n-numru ta’ turisti u viżitaturi li jżuru Għawdex qiegħed dejjem jiżdied. Fl-2012 l-ammont ta’ viżitaturi kien 872,664; fl-2013 kien 993,712 u indikazzjonijiet mhux uffiċjali għall-2014 juru li anke din is-sena se jkun hemm żieda oħra. Fis-sena 2013, 10,175 turisti raqdu lejl wieħed filwaqt li 137,425 turisti qagħdu iktar minn lejl wieħed f’Għawdex. 2,482 turisti żaru lil Għawdex bil-cruise liners. F’dan iż-żmien tas-sena x-xogħol relatat mat-turiżmu, speċjalment fejn jidħlu bbukkjar tal-lukandi, fil-gżira t’Għawdex qed jindika riżultati ferm tajbin. Filwaqt li n-numru ta’ turisti li jżuru Għawdex fis-sajf huwa nkoraġġanti, il-Gvern qed jaħdem biex jespandi l-istaġun turistiku, speċjalment bejn Novembru u April. Dan jista’ jsir billi jiġu żviluppati niċeċ partikolari, bħal dawk ta’ laqgħat, konferenzi, u attivitajiet oħra. Dan huwa settur li għandu potenzjal qawwi.
Dan is-suċċess huwa biss il-bidu. Il-Ministeru għal Għawdex għandu strateġija biex ikabbar it-turiżmu billi jinkoraġixxi niċeċ partikolari. Apparti s-suq ġdid tal-cruiseliners li sejjer ikun possibli bil-bini tal-cruise liner terminal; u dak tal-yacht marinas, sejjer jiġi żviluppat it-turiżmu mediku u t-turiżmu edukattiv.
Nemmnu bis-sħiħ illi l-gżira t’Għawdex għandha rwol ewlieni fis-settur turistiku ta’ pajjiżna, li huwa wkoll sors importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku t’Għawdex innifsu. Huwa settur li, mħaddem tajjeb, iħalli effett multiplikatorju kbir.
Din il-gżira fl-uniċità tagħha, toffri prodott turistiku distint li jippermetti li l-gżira tiġi promossa bħala destinazzjoni turistika fiha nnifisha. Karatteristiċi uniċi tal-gżira Għawdxija bħall-identità kulturali, l-ambjent u l-pajsaġġ rurali huma fatturi li jagħmlu din il-gżira differenti. Il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem bis-sħiħ biex lil din il-gżira joffrilha inizjattivi innovattivi li jiffukaw fuq l-elementi uniċi tagħha. Il-ħidma tal-Gvern hija ffukata biex tingħata promozzjoni effettiva li għandha twassal sabiex iktar turisti jiġu mħajra biex jaqsmu lejn Għawdex waqt iż-żjara tagħhom fil-gżejjer Maltin; li dawn l-istess turisti jqattgħu iktar iljieli f’Għawdex; u sabiex jiġu attirati turisti speċifikament fil-ġżira Għawdxija.
Fil-Ministeru għal Għawdex qed issir ħidma kontinwa biex nixprunaw lil Għawdex u nagħmluh dejjem iktar attraenti kemm għalina l-Għawdxin stess kif ukoll għal dawn il-Maltin u barranin li jogħġobhom iżuru lil Għawdex matul is-sena kollha.