Għawdex jesporta iktar xarbiet Għawdxin lejn swieq Ewropej
Limunċell Għawdxi qed jiġi esportat lejn l-Awstralja, il-Ġermanja, l-Awstrija u Franza
Din il-ġimgħa mort niltaqa’ mal-Avukat Joe Grech li barra x-xogħol ta’ avukat hu direttur ta’ villaġġ, il-Gozo Cottage li joħloq xorb u ikel bnin mill-prodotti tal-bdiewa Għawdxin. Interessanti li wieħed ikun jaf x’qed isir mill-prodott agrikolu Għawdxi. U matul il-ġimgħat li ġejjin se nlaqqgħukom magħhom. Iżda llum se niffukaw fuq il-limunċell, likur li jsir biss f’Għawdex, likur li ilu jsir għal dawn l-aħħar 10 snin.
Għalkemm din l-intrapriża Għawdxija wara s-suċċess tal-limunċell, tħajret tagħmel ieħor mill-ħarrub u issa xahar ilu ħarġet fis-suq il-likur tal-bajtar tax-xewk. Doqthom it-tlieta, bdejt mil-limunċell li hu ta’ kwalità mill-aqwa u jħabbatha jekk mhux aħjar minn dawk Taljani, il-bajtra li fiha wieħed itiegħem il-bajtra tax-xewk Għawdxija u l-Ħarruba li hi speċi ta’ averna b’togħma qawwija li sserraħlek l-istonku wara xi ikla tajba Għawdxija.
L-Avukat Grech qalilna li l-limunċell isir mill-qoxra tal-lumi li jiġi esklussivament minn Għawdex. “Il-lumi jintagħżel mingħand bdiewa partikolari biex jiġi assigurat li l-lumi jkun matur biżżejjed biex jingħata l-kulur u t-togħma partikolari tal-limunċell.”
Mistoqsi kemm hemm siġar tal-lumi f’Għawdex, Grech qalilna li hemm ħafna, għalkemm il-konċentrazzjoni taċ-ċitru tinsab fil-widien ta’ San Blas, Daħlet Qorrot, ir-Ramla u f’dik ix-xaqliba tal-gżira. “F’dan il-post iċ-ċitru jiġi kultivat bil-mod tradizzjonali li juża l-qanniċ għal protezzjoni mir-riħ u l-ilma ġieri biex jissaqqew is-siġar.”
L-Avukat Grech jew aħjar kif jafuh l-impjegati bħala Joseph, qalilna li peress li ħafna bdiewa għandhom għelieqi żgħar huma jixtru minn diversi bdiewa għalkemm dejjem jagħżlu l-aħjar prodott biex jassiguraw li kemm il-kulur kif ukoll it-togħma tal-prodott ikunu mill-aqwa.
Il-proċess għal-limunċell hu wieħed kemxejn twil u tista’ tgħid isir ħafna minnu manwalment. Il-qoxra tal-lumi tagħmel żmien ġewwa l-alkoħol fejn hemmhekk toħroġ l-istess togħma u kulur. Minn hemm il-proċess jitkompla billi l-alkoħol jitħallat mal-ilma u z-zokkor biex wara proċess ieħor ta’ maturazzjoni joħroġ il-prodott finali.
Interessanti l-fatt li l-limunċell hu esportat fi kwantitajiet tajbin lejn l-Awstralja, il-Ġermanja, l-Awstrija u Franza.
Dan il-likur hu differenti minn oħrajn minħabba n-nuqqas ta’ alkoħol li fih. “Billi l-proċess hu ta’ infużjoni u mhux distillar il-livell ta’ alkoħol hu ta’ 26%, ħafna inqas minn dawk distillati,” qalilna l-Avukat Grech, “dan joffri l-possibbiltà li l-glandoli tat-togħma fil-ħalq ikunu jistgħu jassorbu aħjar it-togħmiet naturali tal-prodott innifsu.”
Barra l-limunċell l-istess kumpanija ilha għal dawn l-aħħar sitt snin tagħmel likur tal-ħarrub li hu diġestiv naturali li l-bażi tiegħu hu l-ħarrub u diversi ħxejjex aromatiċi oħra Mediterranji.
“Filwaqt li l-ħarrub u s-siġra tal-ħarrub kienu importanti ħafna fil-passat
fl-agrikoltura Maltija, matul dawn l-aħħar snin is-siġra tal-ħarrub kienet
qed titlef mill-importanza tagħha. Illum il-ġurnata bir-rintroduzzjoni ta’ prodotti bħall-ġulepp u x-xarba tal-ħarrub kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti qed jerġgħu japprezzaw prodott bnin, naturali u li fih ukoll effetti mediċinali benefiċjarji għas-saħħa tal-bniedem” qalilna d-direttur tal-kumpanija. Biex issir din ix-xarba l-kumpanija tuża ’l fuq minn żewġ tunellati ħarrub fis-sena.
Xahar ilu l-kumpanija ħolqot xarba oħra, dik tal-bajtar. “Il-bajtar hu prodott ieħor Mediterranju li ftit li xejn nagħtuh importanza fl-agrikoltura lokali. Matul l-aħħar snin, il-kumpanija Gozo Cottage investiet biex qiegħda tipproduċi kemm ġamm tal-bajtar kif ukoll xarba tal-bajtar. L-introduzzjoni tax-xarba tal-bajtar mill-kumpanija tagħna saret matul l-aħħar sena u r-rispons kien wieħed qawwi ħafna u inkoraġġanti ferm. Ix-xarba ssir mill-bajtar innifsu li jitħallat mal-alkoħol. Hu kkalkulat li l-kumpanija tagħna tuża ’l fuq minn tliet tunellati bajtar tax-xewk.”
Wieħed irid isemmi wkoll li din il-kumpanija tagħmel ukoll likuri tal-mandolin u tal-larinġ.