Żejt Għawdxi rebbieħ fost il-barranin
Għawdex jeċċella fil-produzzjoni taż-żejt
12-il sena ilu l-Gozo Cottage xtraw magna tal-għasir taż-żejt. U din il-magna għadha tintuża sal-lum fejn tunnellati kbar ta’ żebbuġ qed jiġu magħsura u dan iż-żebbuġ jinbidel f’żejt extra virgin olive oil u patè taż-żebbuġ.
Dwar dan l-għasir taż-żebbuġ f’Għawdex tkellimna ma’ Joe Grech id-direttur ta’ Gozo Cottage li qalilna li bħalissa hu ż-żmien tal-għasir fejn din il-kumpanija mhux biss tagħsar żebbuġ biex tagħmel żejt għaliha biss, iżda wkoll għal dawk l-individwi li jkolhom siġar taż-żebbuġ u jkunu jridu ż-żejt għalihom.
“Fi tliet ġimgħat ġew mal-250 persuna biex ngħasrulhom iż-żebbuġ. U f’sena normalment ngħasru żebbuġ għal madwar 600 persuna differenti. Tliet snin ilu għasarna 120 tunellata ta’ żebbuġ. Iżda s-siġar mhux dejjem jagħmlu l-istess kwantità ta’ żebbuġ. Fil-fatt sena ilu għasarna 45 tunnellata u dis-sena jidher li se tkun aħjar għax diġà għasarna 40 tunnellata.”
F’Għawdex qabel inxtrat din il-magna ftit jew xejn kien hemm siġar taż-żebbuġ għax l-Ingliżi ma kienx jinteressahom miż-żejt għax dawn kienu jużaw il-butir. “Għalhekk il-Gozo Cottage għamel kampanja favur iż-żejt taż-żebbuġa u l-benefiċċji tiegħu. Bdejna kampanja oħra mal-bdiewa biex jixtru s-siġar taż-żebbuġ u kif jieħdu ħsieb il-frotta.”
Il-magna li nxtrat kienet żgħira mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi bħall-Italja, fil-fatt kienet saret apposta għal Malta bħala prototip. Għax f’Għawdex u anke f’Malta m’hawnx biżżejjed siġar.”
Iż-żejt li jagħmlu l-Gozo Cottage hu l-Ġigantija fejn l-isem hu meħud mit-tempji tal-Ġgantija iżda fih hemm miżjuda żiedu l-i.
Joe Grech qalilna li l-fatt li f’Għawdex hemm ftit siġar fih il-preġji tiegħu għax il-bdiewa għandhom il-lussu li jaqtgħu ż-żebbuġ bl-idejn għax meta jinqata’ bil-magni jsir ħafna ħsara.
“Din is-sena ż-żebbuġ se jagħtina aktar żejt, għax is-soltu lejn tmiem Awwissu tagħmel tempesta u b’hekk ħafna żebbuġ jaqa’ mis-siġar. Barra hekk in-nuqqas ta’ xita jgħin biex iż-żebbuġa tkun mimlija żejt u inqas ilma, għax iż-żebbuġa fiha żejt u ilma li jiġi separat mill-magna, bis-sistema li ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma. Għalhekk hemm pajp in-naħa ta’ fuq li jieħu ż-żejt u n-naħa t’isfel biex jinġibed l-ilma.”
Il-proċess taż-żejt Għawdxi jibda sa 24 siegħa wara li jinqata’ ż-żebbuġ għax iż-żebbuġa ma tridx tħalliha tisħon għax b’hekk tiżdied l-aċidità fiha. Tant li ż-żejt Ġigantija rebaħ il-midalja tad-deheb fl-International Olive Oil Competition fejn ikkompetew fih, Taljani, Tuneżini u Griegi. Dan minħabba li ż-żejt Għawdxi kien fih l-inqas aċidità.
Iż-żebbuġ l-ewwel jintagħżel bl-idejn fejn 7% jintgħażel żebbuġ għall-ikel, 7% biex isir patè taż-żebbuġ u 85% biex jintgħasar. Iż-żejt Ġigantija hu extra virgin biss u meta mistoqsi x’differenza hemm bejn l-olive oil u extra virgin oil Joe Grech wieġeb li “L-extra virgin jiġi mill-ewwel għasra kiesħa u ma jkunx imsaħħan jew imħallat b’xi kimika. Dak qisu paste li joħroġ minnu narmuh iżda kumpaniji oħra jitrattawh għal żjut oħra. Din hi d-differenza” qal Grech.
Iż-żejt taż-żebbuġa għal bidu jkun qisu maħmuġ u għalhekk jitħalla joqgħod u wara perjodu jiġi msaffi billi jingħadda minn karta ħalli ma jitlifx mit-togħma tiegħu.
Barra ż-żejt extra virgin, isiru żjut oħra infużi bil-bżar aħmar u ħwawar oħra ħalli jagħtu togħma differenti waqt l-ikel.
“Id-domanda għal dan iż-żejt qed tiżdied għax il-Maltin u l-Għawdxin żviluppaw it-togħmiet tagħhom u saru aktar konxji fuq is-saħħa u jafu jgħarfu prodott ġenwin.”
Il-Ġigantija żammew l-istess prezzijiet ta’ 10 snin ilu fejn iż-żejt minħabba l-kwalità u l-ġenwinità tiegħu hu ogħla mill-prezz medju, iżda meta mqabbel mal-ogħla kwalità ta’ żejt Taljan, il-prezz xorta jibqa’ ħafna irħas. “Barra hekk aħna lil bdiewa nħallsuhom aktar minn ta’ barra għax dawn jaqtgħu ż-żebbuġ bl-idejn.”
Wara l-intervista mort induq iż-żejt li kien għadu kemm intgħasar u t-togħma kienet waħda eċċezzjonali, fejn tant kien għadu ħaj li ħallieli togħma kemxejn taħraq fil-gerżuma għal ftit ħin.