830 turist fuq żewġ cruiseliners f’jumejn
Għawdex jiġbed iktar turisti
Kull min żar Għawdex nhar il-Ħadd seta’ jara ankrat barra l-port tal-Imġarr cruise liner differenti mis-soltu. L-MV Windsurf hu cruise liner bil-qlugħ ukoll u dawk il-pilastri għoljin jagħmluh spettaklu fih innifsu.
Mhux xi cruise liner mill-kbar nett, però jekk wieħed jara fir-ritratt id-differenza li hemm bejn iż-żewġ daqsijiet tal-cruise liner u tal-vapur tal-Gozo Channel, tista’ tara d-differenza kbira li hemm, fejn il-Gozo Channel jidher qisu dgħajsa ċkejkna mqabbel mal-MV Windsurf.
Dan il-cruise liner li dam ġurnata u lejl ankrat barra l-port ta’ Għawdex ġab lejn Għawdex 310 passiġġier.
L-għada t-Tnejn x’ħin ħarist mill-gallarija tiegħi li ġġib il-port tal-Imġarr faċċata, rajt cruise ship mingħajr pilastri. Kien inbidel. Daħal l-MV Deutschland, vapur ikbar din id-darba tefa’ f’Għawdex 520 passiġġier.
Fil-port kien hemm attività kbira, taxis, mini buses, kowċis, safari jeeps, muturi quads, kollha jaqsmu dan il-ġid li ġabu magħhom dawn it-turisti li kulfejn tħares dawk il-jumejn kien hemm minnhom iżuru l-aktar postijiet imfittxija mill-barranin, iżuru villaġġi u postijiet fejn isir ikel tradizzjonali Għawdxi, xi kafetteriji u anke xi ristoranti li kienu ferm ‘attivi’ f’ġimgħa fejn is-soltu Għawdex ikun vera kwiet.
Dan il-fatt żgur li jkompli jsaħħaħ il-ħolma tal-ministeru ta’ Għawdex u l-Għawdxin innifishom li fl-aħħar l-imbierek cruise terminal jitlesta, ħalli jkun hemm iżjed minn danw il-cruise ships u akbar. Għax ħa ngħiduha kif inhi li tkun ankrat bejn tliet gżejjer hi xena spettakolari rari għal turisti li mhux imdorrijin bi spettaklu ta’ tliet gżejjer imdawwar b’baħar kaħlani.