Birra Għawdxija mogħtija ġieħ minn fost 725 birra minn madwar id-dinja

Lord Chambray, il-birrerija artiġġjanali Għawdxija mogħtija 'Honourable Mention' fi Brussell

 

Samuele D'Imperio ta' 28 sena fil-birrerija l'state of the art' tiegħu fix-Xewkija Għawdex
Samuele D'Imperio ta' 28 sena fil-birrerija l'state of the art' tiegħu fix-Xewkija Għawdex

Tlett xhur biss wara li bdew l-operat, Lord Chambray, il-birrerija artiġġjanali fix-Xewkija, Għawdex, ħadu Honourable Mention bil-birra tagħhom San Blas fil-Brussels Beer Challenge 2014, li saret fi tmiem ġimgħa li għaddiet.

San Blas, li daħlet fis-sezzjoni Pale & Amber Ale: English IPA, kienet l-unika birra li ħadet honourable mention. Birreriji fl-Italja, l-Amerika u Spanja rebħu midalji tad-deheb, fidda u bronż, rispettivament.

Mhux inqas minn 725 birer ħadu sehem f’din it-tielet edizzjoni tal-Brussels Beer Challenge, li din is-sena saret f’Leuven. Panel ta’ 60 espert internazzjonali fil-birra daqu dawn il-birer mid-dinja kollha matul il-jumejn tal-kompetizzjoni.

Il-missjoni ta’ din l-isfida hi biex tippromwovi l-industrija tal-birra f’suq fejn il-livell tal-birer mhux biss hu għoli ħafna iżda fuq kollox hi d-dar tal-esperti tal-birra. L-isfida għandha tlett għanijiet: li tippromwovi birer ta’ kwalità u tħeġġeġ kompetizzjoni b’saħħitha fl-industrija; li toffri lill-konsumaturi siġill ta’ kwalità mogħti minn membri tal-industrija; u li toffri l-produtturi tal-birra mezz ta’ promozzjoni u marketing.

Samuele D’Imperio, Direttur Maniġerjali ta’ Lord Chambray Ltd, qal li din kienet ta’ sodisfazzjon kbir li birrerija artiġġjanali minn Għawdex li għadha kif bdiet il-produzzjoni mill-ewwel tagħmel impatt internazzjonali.

“Dan kollu huwa minħabba l-filosofija tagħna ta’ kwalità, il-ħidma tagħna mal-Master Brewer Andrea Bertola, it-tagħmir u l-materja prima ta’ kwalità għolja li nimportaw mill-Belġju stess, l-Islovenja, il-Ġermanja, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika.”

San Blas hija ale ċara magħmula bil-ħops, speċjalment Cascade u Amarillo, biex minnhom toħroġ kulur ambra skur u toħroġ togħma aromatika u li tingħoġob ta’ grapefruit u fjuri tal-larinġ.

Għal lista sħiħa ta’ ħwienet minn fejn tista’ tixtri l-birer Lord Chambray f’Malta u Għawdex, żur il-paġna tal- Facebook tagħhom jew www.lordchambray.com.mt.

 

 

 

More in G?awdex