Irridu l-fatti u mhux kastelli fl-arja

X’qed jistennew l-Għawdxin mill-Baġit


Bħal dejjem f’Malta jum il-baġit ikun wieħed mistenni. Fil-gżira ċkejkna ta’ Għawdex l-istennija hi xi ftit aktar fejn l-Għawdxin dejjem jistennew li jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtu lil gżira aktar mill-introjtu personali.
Il-fatt li l-gżira tkun aktar aċċessibbli għat-turist Malti/Barrani u għall-investiment ifisser aktar xogħol għall-Għawdxi f’Għawdex. Għalhekk aħna tlabna lil xi Għawdxin li ġejjin minn diversi strutturi tal-ħajja biex jgħidulna x’jixtiequ jaraw iseħħ għal Għawdex u x’qed jistennew mill-baġit ta’ għada.


Saviour Grech (Edukatur)
“Miżuri immedjati biex jiġu ndirizzati l-problemi mmedjati għal problemi li ilhom hemm u ma’ ġewx attakkati. Problemi li ilna ħafna niddiskutuhom. Ma rridux iżjed kastelli fl-arja. Ma rridux iżjed pjanijiet. Ma rridux iżjed studji. Irridu soluzzjonijiet. Il-problemi li qed niffaċċjaw l-Għawdxin ilna żmien niddiskutuhom, issa wasal iż-żmien li npoġġu l-fondi fejn dak li ilna nsemmu u biżżejjed studji.
“Il-konnessjoni tal-fibre optic għandu jibda x-xogħol fuqu, ‘put the money where your mouth is – lay the line’. Ma rridux nisimgħu kemm il-miljun ewro jiswa, għandna bżonnu u rriduh li jitpoġġa. Hemm bżonn li nirijattivaw servizz ta’ internet veloċi. U inutli nitkellmu fuq li rridu nżidu t-turisti u turiżmu speċjalizzat. Ejja ħa nibdew inniżżlu l-ajruplani x-Xewkija u naqtgħu l-paroli kollu.”


Abraham Said (Proprjetarju ta’ Vini & Capricci)
“naqbel mal-inizjattivi li qed isiru biex turisti li jiġu Għawdex f’perjodi li t-turżimu f’Għawdex ikun kwiet u għalhekk nemmen li fil-baġit jerġa jkun fondi biex dawn jibqgħu isiru. Nizpera wkoll li f’dan il-baġit titnaqqas il-burokrazija għax investituri Għawdxin kultant insibu wisq problemi. Hemm bżonn li l-Gvern jieħu ħsieb li jkun hemm żoni li jingħataw importanza għal prodott artiġġjanali f’Għawdex b’kunċett differenti. Għax dak li għamilt jien ma sibt għajnuna minn ħadd u investejt minn buti. Għalhekk il-gvern irid joħloq inizjattivi biex juri li qed jemmen fina biex niżviluppaw ħalli noħolqu niċeċ ġodda u nżidu l-klijenetela. Kuntent ħafna li fl-aħħar ittieħdet deċiżjoni fuq l-agrituriżmu u issa nistennew li permessi għal proġetti validi jinħarġu aktar malajr mill-MEPA u mill-MTA. Dwar il-permanent link jien niggwadanja iżda ma naqbilx wisq, aktar naqbel li jkun hawn airstrip għal fixed wing biex Għawdex toffri destinazzjoni differenti u klijent differenti.”


Joseph Grech (avukat u CEO Gozo Cottage)

 “Nistenna li tkompli tiżdied l-aċċessibilita lejn Għawdex. Tista ssir b’żewġ modi, investiment fl-infrastruttura biex issir l-airstrip kif ukoll aċċess aġevolat bil-baħar. Importanti li jkun hemm ukoll it-tieni fibre optic link ma’ Malta peress li dan ipoġġi lill-Għawdex f’pożizzjoni li jattira investiment f’dak li hu IT, gaming u anke servizzji Finanzjarji.
“Żgur li hemm in-neċessita li l-baġit jagħti importanza għat-tkomplija tal-infrastruttura ta’ Għawdex. Ma nistax ma nagħmilx referenza għall-bini tal-qorti l-ġdid u l-cruise liner terminal.

“Finalment wieħed jistenna miżuri li jkomplu jgħinu l-ħolqien tal-impjiegi f’Għawdex. Għawdex għandu ekonomija partikolari fejn per eżempju setturi bħall-agrikoltura jassumu mportanza partikolari. Hu mistenni li l-ażjendi agrikoli ffukati fuq il-produzzjoni primarja jiġu aġevolati u dan biex ma jibqgħux jerfgħu piżijiet akbar minn ażjendi simili li jkunu bażati f’Malta.”

J. Scicluna (konsulent finanzjarju)

“Nispera li jiġi deċiż biex isir il-link permanenti (bridge jew mina) bejn malta u Għawdex. Nixtieq li jkun hemm investiment kapitali fuq faċilitajiet sportivi (li mhux Football) ta’ madwar kwart ta’ miljun ewro fis-sena għal ħames snin li ġejjin. U €100,000 oħra għal tagħmir, coaching u refereeing li jingħataw lill-organizazzjonijiet sportivi (barra l-Football) li diġa għandhom u ħadu. Faċilitajiet aħjar fil-bajjiet li tinkludi r-Ramla fejn għandu jsir speċi ta’ żvilupp min-naħa għall-oħra u breakwater f’Marsalforn bie xjieħu post dak li ilu mkisser 10 snin.

Dr. Anton Grech (Psikjatra)

“Nixtieq li bil-baġit Għawdex ikun fl-aġenda nazzjonali. Nemmen li Għawdex m’għandux ikun ta’ piż għal Malta imma għandu jkun ta’ ‘added value’ għall-ekonomija Maltija. L-aktar ħaġa mportanti għal Għawdex hu x-xogħol u nixtieq li nara aktar xogħol f’Għawdex. Il-qasam tal-IT hu qasam b’potenzjal kbir. Nixtieq ħafna li tiżdied l-aċċessibilita bejn malta u Għawdex. Hemm ħafna modi diversi li din tiżdied b’mod immedjat u long term nixtieq nara link bejn Malta u Għawdex.”

 

More in G?awdex