Vini & Capricci
Kunċett ġdid ta’ ikel u xorb artiġġjanali
Abraham Said, magħruf ħafna f’Għawdex bħala Abram hu magħruf ħafna għall-ikel u xorb artiġġjanali li ssibu biss għandu. Ikel ta’ ċertu kalibru u nbid ta’ klassi mill-aktar għolja miġjuba Għawdex minn kull rokna tad-dinja. Prodotti li ssibhom biss f’Għawdex, fejn issiblu wkoll it-tartufo veru u proprja, speċi ta’ faqqiegħ li hu ta’ preġju kbir.
Abram beda fin-negozju tal-ikel fl-1984 meta ħa l-ħanut tal-merċa li kellhom ommu u missieru fix-Xagħra. Fl-1991 iddeċieda li jkabbar in-negozju u beda distribuzzjoni tal-ikel u xorb lir-ristoranti, bars, lukandi u fran f’Għawdex.
Fl-20 ta’ Marzu 2007 ġarr lejn il-Gozitano l-warehouses tiegħu u l-uffiċini u fl-2008 beda joħlom b’kunċett ġdid li għamel suċċess kbir fl-Italja, EATALY, kunċett fejn wieħed jista’ jiekol ikel artiġġjanali fil-ħanut stess fejn jinbiegħu l-ingredjenti ta’ dan it-tip ta’ ikel u xorb.
“Jiena Juventin u kont immur Torino u rajt dan il-kunċett, f’Lingotto u minn dakinhar moħħi ma waqafx kif nista’ nattwa dan il-kunċett f’Għawdex” qalli Abram. “Is-sena li għaddiet ħadt l-aħħar maħżen ta’ ħdejja u bdejt il-proġett li ġie miftuħ mill-Prim Ministru fil-11 ta’ Ottubru. Għalaqna sena u kuntenti ħafna bil-mod kif intlaqa’ dan il-kunċett f’Għawdex, mal-Maltin, barranin li jgħixu Għawdex, turisti oħra u anke Għawdxin.”
Fil-fatt malli tidħol f’dan il-post ferm organizzat tilqgħek tazza kafe ‘Saquella’ mill-aktar bnin, bla ħlas... għalkemm ħdejn il-magna tal-kafè hemm bott biex tpoġġi donazzjoni għal Puttinu Cares. Hemmhekk wieħed isib is-sezzjoni Delicatessen. “Il-prodotti tagħna kollha ġejjin minn djar żgħar Taljani kollha artiġġjanali. Biex nordna immur jien stess inżur il-postijiet u nara l-proċess isir, għax dawn il-prodotti huma ta’ livell għoli u rrid inkun naf x’se nbiegħ lill-klijenti tiegħi. Għax hawn ma nbiegħ xejn kummerċjali iżda kollox ta’ kwalità. Min irid jixtri ċerti prodotti bilfors hawn irid jiġi, għax dan it-tip ta’ ikel ma jsibu mkien la f’Malta u lanqas f’Għawdex.”
Barra l-ikel għand Abram wieħed isib il-kantina tal-inbid fejn għandu 72 tip ta’ inbid ġej mid-dinja kollha, inkluż inbid ta’ klassi minn Għawdex u Malta. L-aktar inbid għoli li għandu għall-bejgħ jiswa €1,275 , “f’sena bgħett tnejn minnu”
Bħalissa qed jorganizza ljieli ta’ wine pairing fejn jagħtik ħames platti ta’ ikel ta’ livell għoli fuq l-istil ta’ Michelin star imqabblin ma’ ħames stili ta’ nbejjed. Kull ikla tiswa madwar €60 ir-ras u din id-darba jiswa €100 għax għandu t-tartufo frisk. Abram qalli li l-klijenti tiegħu huma nies ta’ kwalità li jafu x’se jieklu u x’qed jieklu u jafu bih fil-magazines tal-ikel u billi jdawru l-kelma.
Kull nhar ta’ Sibt bejn il-11am u s-2 pm ikollu wine sampling u ‘nibbles’ b’xejn.
Interessanti wkoll li fil-lokal ikun hemm wirjiet ta’ pittura li jinbiegħu minn hemm stess.
Abram qalli wkoll li barra l-ikel hu jipprovdi l-lok għal seminars u anke preżentazzjonijiet u konferenzi. “Dan barra li għadni kemm introduċejt kunċett ieħor, il-prodott Għawdxi f’sezzjoni li semmejtha ‘Ogygia’ li fil-mitoloġija Griega tfisser Gozo. Il-prodott mibjugħ hu prodott esklussivament Għawdxi u jsir Għawdex. Bħala prodotti għandna żebbuġ, żejt, kunserva, għasel, ġulepp, patè, qagħaq tal-għasel, pasti tat-tamal u pasti tar-raħal.
Temm jgħid li issa wara sena jinsab sodisfatt li t-tarbija tiegħu telqet timxi u jinsab fiduċjuż, “xejn mhu ward u żahar. Huma l-ħafna Maltin u barranin li meta jaslu Għawdex jiġu s’hawn iżuruna u jieħdu kafè u jerġgħu jirritornaw qabel jitilqu minn Għawdex u jixtru l-prodotti li jkunu għoġbuhom.
Barra hekk Abram qed jorganizza ġiti l-Piemonte għal gruppi ta’ 16-il persuna biex ikunu f’vann żgħir li jista’ jidħol f’postijiet fejn jagħmlu ikel artiġġjanali u jmorru wkoll distilleriji tal-grappa u tal-inbid. Jieklu tliet ikliet f’Michelin Star restaurants, bħal Canelli Ristorante San Marco, La Cau del Tornavento fi Treviso bix-chef Marilio Garola li anke kien ġie Għawdex u Canale all Enoteca tax-chef famuż Davide Pelluda.
“Huma l-ħafna li jridu jerġgħu jmorru u fil-fatt se nibda norganizza tnejn fis-sena, wieħed f’Mejju u l-ieħor f’Settembru”
Bla dubju li l-ħanut jew kafetterija, inkella ristorant, kantina tal-inbid għidilha li trid, ta’ Abram hi kunċett ieħor ġdid li ssibu biss f’Għawdex.