Milied f'Għawdex
65 operatur jissieħbu fl-inizjattiva
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ħabbar li 65 operatur kummerċjali wieġbu għas-sejħa tal-Kumitat Milied f’Għawdex u appoġġjaw l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu.
Bil-kontribuzzjoni ta’ dawn, flimkien mal-appoġġ finanzjarju, riżorsi umani, management u relazzjonijiet pubbliċi tal-Ministeru għal Għawdex, illum hemm programm mimli attivitajiet mifrux fuq Għawdex kollu.
Il-Ministru Refalo spjega kif is-sena l-oħra avviċinatu l-komunità kummerċjali biex huma jkunu nklużi fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-Milied u l-programm ikun mifrux fuq Għawdex kollu.
“Meta ħtart il-kumitat immexxi minn Dr Joe Mifsud innominajt lil Maria Farrugia u lil Abraham Said biex jikkontribwixxu b’ideat. Magħhom kien hemm rappreżentant tal-GTA u GBC. Dawn ikkontribwew b’ideat u llum inħabbar li fost l-attivitajiet ġodda li se jkun hemm f’Għawdex fil-Milied se jkun hemm Villaġġ tal-Milied fil-Gozitano Agricultural Village u attività kbira għat-tfal, ‘Dinja tat-Tfal – Ħallu t-Tfal Jiġu Għandi’.”
Il-kumitat ra li minn din il-ġimgħa sal-4 ta’ Jannar, f’kull tmiem il-ġimgħa jkun hemm attivitajiet varji biex barra Bethlehem f’Għajnsielem, ikun hemm attrazzjonijiet oħra biex min iżur Għawdex ma jagħmilx dan għal ftit sigħat imma jkun jista’ jqatta’ numru ta’ ġranet fil-gżira.
Il-Kumitat Milied f’Għawdex sab l-appoġġ ta’ 47 lukanda u ristoranti bħala supporters tal-inizjattiva, 14-il lead supporter u 4 partners. L-erba’ partners kummerċjali li ssieħbu mal-Kumitat Milied f’Għawdex huma Arkadia, David’s Bakery, The Duke u Vini e Capricci.
Villaġġ ta’ ikel, xorb u korijiet tal-Milied
12-13-14 Diċembru, 19-20-21 Diċembru
Il-Gozitano Agricultural Village se jkun trasformat f’villaġġ tal-Milied, għal 15-il ġurnata. Iżda villaġġ b’differenza fejn se jkun hemm degustazzjonijiet ta’ ikel awtentiku Għawdxi, wirjiet ta’ pitturi u fotografiji, wirja ta’ presepju taċ-ċikkulata u wieħed jista’ anke jduq l-ewwel birra Għawdxija u nbid minn 17-il pajjiż differenti. U dan kollu f’atmosfera tal-Milied.
Għall-ewwel darba f’Għawdex, il-Milied se jieħu xejra differenti fejn ftit passi bogħod minn Betlem f’Għajnsielem wieħed jista’ jidħol il-Gozitano fix-Xewkija u hemmhekk għandu xalata ta’ ikel, xorb f’atmosfera tal-Milied. Fl-istess ħin, min iħobb l-arti, jista’ jżur żewġ wirjiet, waħda ta’ pittura ta’ Paul Stellini u l-oħra ta’ fotografija bit-tema ‘Palestina’.
Interessanti wkoll il-presepju taċ-ċikkulata magħmlul mill-istudenti tal-ITS u l-fatt li wieħed jista’ jduq ukoll l-ewwel birra Għawdxija, Lord Chambray. Se jkun hemm wirja ta’ vetturi ta’ żmien il-gwerra u għadd ta’ korijiet u talent.
Hawnhekk wieħed jista’ jduq prodotti Għawdxin u Mediterranji bħaż-żejt, ġbejniet, tadam imqadded, Sagra tal-Porchetta u nbid minn 17-il pajjiż u minn 37 reġjun, b’aktar minn 1,000 flixkun b’tikketta differenti.
Il-post se jkun imdawwal bi dwal tal-Milied, u mwejjed tal-ikel u xorb, waqt li jkun hemm korijiet u talenti lokali joffru divertiment lill-pubbliku.
Fost l-ikel se jkun hemm il-prodotti ġodda Għawdxin Ogygia u anke ħelu magħmul mill-istudenti tal-ITS.
Dan kollu se jitqassam fuq tliet weekends li jibda minn tmiem il-ġimgħa li ġejja.
Fantasija u Talent
Villa Rundle 13 u 14 ta’ Diċembru 2014
Jumejn ta’ attivitajiet imtella’ minn studenti tal-iskejjel minn bliet u rħula Għawdxin fejn juru l-ħiliet tagħhom fi spirtu ferrieħi ta’ għaqda. Jipparteċipaw ukoll l-atturi tal-pantomima Sindyrella u l-Bestja li se tittella’ fl-Istitut Kattoliku.
Wirja ta’ ritratti tal-Palestina minn Joe Mifsud
Wirja oriġinali ta’ ritratti meħuda f’Betlem u l-madwar mill-ġurnalista Joe Mifsud. Ir-ritratti nġibdu fuq medda ta’ żmien, fit-23 vjaġġ li Mifsud għamel fl-Art Imqaddsa.
L-esebizzjoni wieħed se jkun jista jaraha fis-sala tal-Gozitano Agricultural Village fix-Xewkija bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija. Il-kuratriċi tal-wirja hi Elaine Zammit Haber.