Inawgurat il-proġett taż-Żewwieqa
Dan il-proġett sewa €4,738,774 li minnhom €3.7 miljuni
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg inawguraw uffiċjalment il-proġett taż-Żewwieqa fl-Imġarr.
Il-proġett taż-Żewwieqa kien jikkonsisti fit-tisbiħ tal-belvedere u tal-inħawi, inkluż il-pjazza, u t-twaqqif ta’ faċilitajiet ġodda bħal parkeġġ u toilets ġodda. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Ministeru għal Għawdex qed isaħħaħ il-prodott turistiku tal-gżira Għawdxija u jipprovdi post alternattiv ta’ mistrieħ għall-familji Għawdxin.
Ix-xogħlijet bdew fl-2008 iżda kienu milquta minn dewmien sinnifikanti minħabba n-nuqqas ta’ rispons mis-suq għat-twaqqif ta’ struttura magħmula mit-tensile membrane structure. Is-sejħa relatata ħarġet tal-inqas ħames darbiet min-naħa tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Imma kull darba it-tender kellha taqa’ għax l-offerti miftuħa ma jkunux jilħqu kriterija meħtieġa. Fl-isfond ta’ dawn il-diffikultajiet, u minħabba r-riskju ta’ telf ta’ fondi Ewropej, il-Ministeru ddeċieda li l-istruttura tiġi maħduma minn ħaddiema tagħha, filwaqt li l-materjal meħtieġ jinxtara mis-suq wara l-ħruġ tas-sejħiet relatati. Ix-xogħol tlesta f’Ottubru ta’ din is-sena.
F’Xatt iż-Żewwieqa qed tiġi esebita wkoll id-dgħajsa tal-latini Sacra Famiglia li nbniet fl-1933 bħala waħda miż-żewġ dgħajjes li kienu jagħtu kuntatt bejn Malta u Għawdex. Din id-dgħajsa li hi l-unika waħda li fadal, ġiet irrestawrata wara xogħol estensiv u dettaljat fuqha. Il-kumpanija Gozo Channel uriet interess kbir fir-restawr ta’ din id-dgħajsa billi hija l-aħħar kampjun tal-wirt nawtiku tagħna.
Dan il-proġett sewa €4,738,774 li minnhom €3.7 miljuni ġew ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.