[AĠĠORNAT] MV Gaudos reġa' qed jaħdem għan-normal
Wara waqfien ta' xi sigħat meta nqaleb trakk fuq il-vapur
Il-kumpanija Gozo Channel ħabbret li l-MV Gaudos li dalgħodu kellu jieqaf minħabba inċident li nqaleb trakk waqt li kien ġej miċ-Ċirkewwa għal Għawdex, reġa' beda jaħdem għan-normal. Fil-fatt bħalissa l-vapur ta' Għawdex kein qed jgħaddi minn wara Kemmuna wara l-istess inċident meta l-baħar tant kien qawwi li l-irbit tat-trakk inqata'.
Il-baħar qawwi forza ħamsa li ħakem il-fliegu wassal biex trakk fuq il-Gaudos inqaleb fi triqtu lejn Għawdex. Fortunatament ħadd ma weġġa' iżda huma diversi l-passiġġieri li riedu jmorru Malta mal-vapur tat-8.15am li baqgħu fuq il-moll jistennew sad-9.30am.
Saħansitra kien hemm ambulanza li baqgħet tistenna. Sadattant l-ebda membru tal-Gozo Channel ma kellem lil passiġġiera biex jgħarrafhom x'se jiġri. Kulħadd irid jistaqsi hu.
Il-problema hi li bħalissa l-vapur Ta' Pinu jinsab għall-manutenzjoni u għalhekk it-traġitti qed isiru b'vapur wieħed. Ftit tal-minuti ilu deher dieħel fil-Gaudos il-Ministru Refalo li mar jara x'inqala peress li bħalissa hemm kaos sħiħ b'diversi nies jilmentaw li jridu jilħqu titjiriet mill-ajruport u diversi xufiera ta' trakkijiet li jridu jitilgħu għax għandhom ix-xogħol. Anke ċ-Chairman Joe Cordina deher dieħel fuq il-vapur.
Il-fatt li t-trakk li nqaleb ma kienx marbut kif suppost meta jkun hemm il-maltemp hi xi ħaġa li wieħed qed jistaqsi dwarha. Anke jekk kien marbut jibqa fatt li wieħed irid ikun jaf jekk kienx marbut sew u min rabtu kienx jaf kif ghandu jintrabat. U min suppost jorbot it-trakkijiet? Għax kważi dejjem ix-xufiera stess jidhru li jorbtu t-trakkijiet tagħhom.
Il-vapuri bħalissa qed jgħaddu minn wara Kemmuna wara l-inċident li seħħ.