Beda x-xogħol fuq id-dar tal-anzjani f'Għawdex

L-ewwel fażi tax-xogħlijiet tinvolvi t-twaqqigħ tal-bini eżistenti kif ukoll it-tħammil tas-sit

 

Beda x-xogħol tat-twaqqigħ ta’ Casa San Giuseppe. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo żar is-sit fejn ser tinbena d-dar tal-anzjani. Dan il-proġett jinkludi 70 kamra b’żewġ sodod f’kull kamra. Hu maħsub ukoll li din il-binja tinkludi kmamar iddisinjati speċifikament għall-persuni li jbatu bid-dementia. Dan il-proġett ġie approvat mill-MEPA fid-9 t’Ottubru 2014.

L-iżvilupp propost għandu veduti stupendi tal-fliegu bejn Malta u Għawdex u jinsab faċċata tan-Nofsinhar. Il-kmamar kollha se jkollhom faċilitajiet neċessarji fosthom en suite u galleriji li jagħtu għal fuq ġonna u xeni panoramiċi tal-baħar. Il-binja ġiet iddisinjata skont il-linji-gwida biex tkun ta’ aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Perit Angelo Portelli spjega kif il-bini l-antik sejjer jiġi rrestawrat filwaqt li bini ieħor qadim li iżda m’għandux valur storiku jew arkitettoniku sejjer jitneħħa sabiex jagħmel spazju għall-iżvilupp il-ġdid. Id-disinn jieħu in kunsiderazzjoni l-orjentament eżistenti tar-residenza tal-Balliju li sejra tifforma l-area tar-reception tal-iżvilupp il-ġdid.

Dan il-proġett se joħloq spazju fejn l-anzjani, inklużi dawk miżżewġin, jistgħu jgħixu flimkien f’armonija u f’post sikur. Dan il-proġett sejjer joħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

 

More in G?awdex