Il-President inawgurat iċ-Ċentru Ċiviku ta’ Kerċem
Dan iċ-ċentru fih għassa, berġa, librerja pubblika kif ukoll l-uffiċini tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem
Dalgħodu ġie inawgurat uffiċċjalment iċ-Ċentru Ċiviku ta’ Kerċem. Dan iċ-ċentru ġie inawgurat miIl-President ta’Malta, Marie-Louis Colerio Preca u mbierek mill-Eċċellenza tiegħu l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech. Dan iċ-ċentru fih għassa, berġa, librerja pubblika kif ukoll l-uffiċini tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem. Post li hu aċċessibli għal kulħadd u qiegħed fil-qalba tar-raħal fejn fl-istess żona hemm l-iskola Primarja, il-każin tal-banda San Girgor, l-club tal-football kif ukoll grawnds.
Il-Ministru Anton Refalo qal li hija ħaġa ferm pożittiva li raħal ċkejken igawdi minn diversi faċilitajiet bħal berġa,librerija u għassa. Hija iktar ta’ siewi li dawn il-faċilitajietjinstabu f’post wieħed. Ftit hawn postijiet li jagħtu tantservizzi f’post wieħed. Dan jiffranka ħafna ġiri u ħela ta’ħin. Huwa l-vantaġġ li wieħed jgħix f’post żgħir u trankwill. Konxju minn dan, il-Gvern Ċentrali emmen bis-sħiħ f’danil-proġett u ddevolva l-art li fuqu huwa mibni dan iċ-Ċentrulill-Kunsill. Min-naħa tiegħu il-Kunsill ħa ħsieb il-bini u t-tagħmir meħtieġ ta’ dan il-post lussuż.
Il-Ministru għal Għawdex żied igħid li dan iċ-ċentru serikun ta’ valur miżjud għal din il-lokalità. Il-MinistruRefalo awgura lill-Kunsill ta’ Kerċem . Hu tenna li huwaferm importanti li d-diversi servizzi li jiġu offruti f’dan iċ-Ċentru għandhom ikunu tal-aqwa kwalita’ u jingħatawb’impenn u b’dedikazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-kunsilli Lokali Stefan Buontempo tkellem dwar dan iċ-ċentru civiku bħala one stop shop. Dan minħabba li hawn konċentrazzjoni ta’ servizzi fejn iċ-ċittadin jinqeda b’effiċjenza għal bżonnijiet kollha li jkollu.
Stefan Buontempo qal li f’dawn l-aħħar sentejn intgħataw kwazi 14 il-miljun ewro lill-Kunsilli Lokali Għawdwin. “Dan juri”, tenna s-Segretarju Parlamentari,” kemm dan il-gvern irid li l-Kunsilli Lokali ikunu aktar effiċjenti, effettivi u qrib in- nies.”
“Dan iċ-Ċentru ser jagħti sehem sħiħ biex igħolli l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti ta’ Kerċem,” qal l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
Wara ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni li fiha ħadu sehem attiv l-kor tat-tfal mill-iskola Primarja ta’ Kerċem u l-banda San Girgor, l-president Colerio Preca flimkien mal-Ministru Anton Refalo u s-segretarju Parlamentari Stephan Buontempo, żaru dan iċ-ċentru flimkien mas-Sindku ta’ Kerċem Mario Azzopardi u l-kunsilliera.