Akkademja għal mexxejja Għawdxin
Kors ta' 10 sessjonijiet immexxi minn esperti lokali u barranin għal dawk l-Għawdxin li jridu jkunu mexxejja fil-ħajja
Il-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin hi organizzazzjoni li tiġbor fiha numru ta’ organizazzjonijiet taż-żgħażagħ Għawdxin. Bħala president għandha lil Marc Schembri. Dan il-kunsill hu mibni fuq 28 membru u bħalissa qed jaħdem biex din sservi bħala pjattaforma għal 3,000 żagħżugħ u żagħżugħa Għawdxin.
Dan il-kunsill irid li jgħin liż-żgħażagħ Għawdxin biex minflok it-tgergir li hemm li ż-żgħażagħ qed jitilqu minn Għawdex u flok li kulħadd jistenna l-manna taqa’ mis-sema, ikunu ż-żgħażagħ Għawdxin stess li joħolqu x-xogħol għalihom.
Dan wassal biex inħoloq proġett, jew aħjar akkademja msejħa ILEAD li għandha tgħin biex iż-żgħażagħ Għawdxin jiġu mħarrġa jkunu mexxejja ta’ Għawdex. Proġett li se jkun immexxi minn Ryan Mercieca li ħadem biex il-kunsill ħa fondi mill-EEA biex tinħoloq din l-akkademja għal mexxej kreattiv.
Il-ftuħ ta’ din l-akkademja se jsir kumbinazzjoni mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, nhar is-Sibt 11 ta’ April u l-kors se jkun imqassam f’għaxar sessjonijiet, bi tlieta minnhom minn espert Internazzjonali, Radu Seuche li se jagħti tliet lezzjonijiet imqassmin fuq l-ewwel weekend u seba’ sessjonijiet oħra imqassma f’għaxar xhur li se jkunu kondotti minn esperti lokali fuq tmexxija u sostenibbilità. Is-sessjonijiet kollha se jsiru fil-Kampus tal-Universita ta’ Għawdex.
Din l-akkademja mhu se tiswa l-ebda ċenteżmu għall-Għawdxin kollha minn 16-il sena l-fuq.
Wieħed jista’ jirreġistra għal din l-akkademja fuq www.gozoyouthcouncil.com/register