Messaġġ qawwi biex nintegraw lil vittmi tad-droga fis-soċjeta – Anton Refalo
Mixja mal-President f'Għawdex nhar il-Ħadd mill-Oasi sal-Korsa taż-żwiemel
Il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo f’konferenza stampa fir-residenza tal-Fondazzjoni Oasi, qal li l-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem biex jgħin lil dawk dipendenti mid-droga u mill-alkoħol mhux biss biex jitbegħdu mid-dipendenza mid-droga, “iżda li nerġgħu nintegrawhom fis-soċjeta tagħna, għax dawn huma wliedna u rriduhom lura magħna”
Refalo qal li jħoss li s-soċjeta għadha mhux tagħmel ġustizzja ma’ dawn il-vittmi tal-istess soċjeta u l-familji tagħhom meta dawn imorru jfittxu x-xogħol meta fondazzjoni bħal Oasi tkun għenet biex tbegħdhom mid-droga u mill-alkoħol. “Għadhom qed isibu l-bibien magħluqa għax jibqgħu ttimbrati.”
“B’Attivitajiet bħal tal-lum nibagħtu l-messaġġ lil dawn uliedna li għaddew minn problemi kbar li aħna qegħdin hemm biex mhux biss noħorġuhom mill-problemi tagħhom iżda wkoll li flimkien irridu nintegrawhom fil-kommunita tagħna għal darb’oħra. Din hi l-politika ta’ dan il-gvern li ma jridx jagħmel minn dawn il-vittmi kriminali, iżda jerġa jarahom parti mis-soċjeta.”
Għalhekk il-ministeru tiegħu sponsorja din l-attivita, Oasi Family Fest li se ssir nhar il-Ħadd li ġej bil-kordinazzjoni tal-Gozo Sports Board b’mixja mir-residnza tal-Oasi fir-Rabat sa ta’ Xħajma race course u tmexxi din il-mixja l-President Marie Louise Coleiro fejn wara jkun hemm diversi attivitajiet għal familja kollha fil-korsa taż-żwiemel.
Fil-Konfereneza tkellem ukoll Dun Manwel li jmexxi l-fondazzjoni Oasi li qal li din il-Family Fest mistennija tkun avveniment annwali u rringrazzja lil Ministru Refalo u lid-direttur tiegħu Joyce Farrugia tal-għajnuna tagħhom f’dan l-avveniment.
Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board li xebbaħ l-isports Board u dan l-avveniment ma’ Don Bosco li permezz tal-isport kien ibiegħed iż-żgħażagħ mill-ħażen li toffri d-dinja u ma’ Fr Hilary tagliaferro li għamel u għadu jagħmel l-istess f’Malta. “Hu aħna rridu nkunu t-tweġiba tagħhom f’Għawdex”. Qal Alvin Grech.
L-Oasi Family Fest se tibda b’mixja fl-10 ta’ filgħodu nhar il-Ħadd 22 ta’ Marzu sal-korsa taż-żwiemel ta’ Xħajma. Mixja ta’ 3.6 kilometri u hemmhekk se jkun hemm diversi attivitajiet għat-tfal u l-familji kollha fejn ikun hemm pony riding u anke suq tal-artiġġjanat u wirjiet ta’ titjiriet ta’ ajruplani mill-aero modelling ta’ Għawdex u ħafna logħob għat-tfal. Id-dħul għal dan kollu hu b’xejn. Min irid jagħmel il-mixja hu mitlub li jagħti donazzjoni ta’ 7 ewro u jingħata t-shirt.