Betlem jinbidel f’Ġerusalem u l-Forti Chambray fil-Golgota
Il-Ħadd fil-5 p.m. Kristu jidħol f'Ta Passi u jittieħed il-forti ta' Chambray biex jissallab...wirja kbira kfi jafu jagħmlu l-Għajnselmiżi
Nhar Ħadd il-Palm (il-Ħadd li ġej), Għajnsielem se jerġa’ joffri spettaklu reliġjo-kulturali f’Għawdex. Din id-darba Betlem se jinbidel f’Ġerusalem u f’Ħadd il-Palm se jkun hemm spettaklu sħiħ li jibda fil-5pm.
F’Ta’ passi fejn sa tliet xhur ilu kien hemm ‘Betlem Għajnsielem’ se jidħol Kristu fuq ħmar abjad (il-ħmar li twieled fl-istess post) u jsir ċenaklu ħaj fejn l-appostli jieklu ma’ Kristu qabel joħroġ il-karattru ta’ Ġuda biex jittradih.
Minn hemm tibda l-Via Sagra animata msejħa ‘Kont Hemm’ imtella’ mill-Għaqda Drammatika Għajnsielem fejn Betlem jinbidel f’Ġersulalem u minn hemm tibda tiela’ bil-mod sal-Forti Chambray fejn tinfetaħ parti li s-soltu ma tkunx miftuħa għal pubbliku u hekk wieħed jassisti għal animazzjoni mill-aqwa ta Kristu jissawwat u anke jissallab bejn żewġ ħallelin. Fuq il-fortizza ta’ Chambray jkun hemm suldati Rumani li jkunu jidhru spettakolari fuq is-swar lebsin aħmar meta tħares lejhom minn taħthom jew minn Ta’ Passi. U b’hekk l-għolja ta’ Chambray jinbidel fil-Golgota. Is-swar mistennija wkoll jkunu mdawla eżatt mat-tislib ta’ Kristu filwaqt li wieħed jista jiltaqa mal-persunaġġi kollha mill-iskrittura jagħtu riflessjoni moderna fejn dak li ġara 2,000 sena ilu jiġi mqabbel mal-preżent.
F’kaz ta’ maltemp l-istess attività se ssir fl-istess post u ħin jumejn wara fil-31 ta’ Marzu.
Iċ-ċenaklu ħaj
Il-kamra li ntużat bħala l-grotta f’Betlehem f`Għajnsielem, ser tinbidel f’ċenaklu ħaj fejn diversi atturi se jirrapreżentaw lil Ġesù u l-appostli fil-lejl tal-Ewkaristija. Fiċ-Ċenaklu ser jkun hemm ukoll kċina fejn ser jiġi ppreparat ikel tradizzjonali tal-okkażżjoni. L-atmosfera u l-ambjent naturali flimkien mal-annimali f’dan il-post, żgur se jgħinu biex kull viżitatur sabiex jgħix l-esprenzja ta’ dak iż-żmien. Din l-attività ser issir fil-lejl tal-Ħamis ix-Xirka, 2 ta’ April 2015 mit-8.30pm sal-11.30pm u f’għodwa tal-Ġimgħa l-Kbira, 3 ta’ April 2015, mid-9.00am sa12.00pm.