Is-Sindku li jmexxi l-vapur t’Għawdex
Hemm abbuż kbir minn dgħajjes li jwasslu turisti lejn Malta wara li jkunu marru Għawdex bil-Gozo Channel
Joe Cordina twieled, trabba u għex ix-Xagħra, Għawdex għal dawn l-aħħar 52 sena. Miżżewweġ lil Carmen u missier Kenneth ta’ 26 sena u Anthony ta’ 22 sena. Accountant bħala professjoni, Sindku tax-Xagħra u Chairman tal-Gozo Channel. Hu kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Kumitat tar-Reġjuni fl-Ewropa u Chairman tal-Gozo Action Group Foundation.
Dan kollu juri li Cordina hu attiv ferm fil-gżira Għawdxija. Cordina hu l-persuna li jieħu d-deċiżjonijiet importanti tal-uniku mezz li wieħed jista’ jmur u jitlaq mill-gżira tat-tliet għoljiet - Għawdex. Jekk ma jkunx dak li aħna l-Maltin insejħulu l-vapur ta’ Għawdex wieħed jista’ jara biss lil Għawdex minn fuq il-blata Maltija u viċi versa. Isir ħafna diskors, negattiv aktar minn pożittiv dwar il-Gozo Channel, iżda hu fatt ukoll li ħafna ma jafux xi tfisser li tmexxi u taħdem fuq vapur li jagħti servizz ta’ 24 siegħa sebat ijiem fil-ġimgħa matul is-sena kollha. U għalhekk iddeċidejt li nitkellem dwar dan ma’ Joe Cordina li qalli li din kienet l-ewwel intervista li qatt għamel ma’ xi ħadd jew mal-mezzi tax-xandir.
Cordina ilu chairman eżekuttiv tal-kumpanija għal dawn l-aħħar sentejn. Taħt il-gwida tiegħu kumpanija li kienet qed titlef €1.6 miljun fis-sena, irnexxilu jwassalha biex fl-aħħar ta’ din is-sena li għaddiet kienet break even - la tilfet u lanqas qalgħet.
“Kienet l-akbar sfida ta’ ħajti. Kif dħalt, billi jien accountant interessani li nara l-kontijiet tal-kumpanija fejn il-baġit tal-2012 ħaseb għal telf ta’ €1.6 miljun u l-istess kien maħsub għas-sena ta’ wara. Ma stajtx naċċettaha u bdejt nara fejn kienu qed imorru l-flus. Ma stajtx nifhem pereżempju kif kafetterija fuq vapur setgħet taħdem bit-telf. Investigajna u sibna li kien hemm rapporti ta’ xi ħaddiema li kienu qed jabbużaw u qatt ma ttieħdet azzjoni fuqhom. Jien min-naħa tiegħi għaddejt dawn ir-rapporti lill-Pulizija. Sibna li kull siegħa kienu qed jisparixxu bejn €5 u €15 u dan wara investigazzjoni ta’ ġimgħa wara li dħalt jien. 9 ħaddiema ammettew u telqu weħidhom mill-kumpanija, wieħed minnhom m’ammettiex u jinsab sospiż fuq nofs paga sa ma jinqata’ l-każ li għadu għaddej.”
Cordina qalli li hu jemmen fil-ħaddiema u jaqbel mal-benefiċċji li jieħdu, “iżda sibt quddiemi ftehim kollettiv abbundanti wisq mal-ħaddiema. Dan kien ġie ffirmat eżatt qabel l-elezzjoni u ma stajtx nifhem kif kumpannija li qed titlef €1.6 miljun tagħti pagi eżorbitanti lill-ħaddiema tagħha. Dan ma kienx jagħmel ġid lill-kumpanija u lanqas lill-istess ħaddiema għax jekk tfalli kumpanija jfallu huma.”
Ma stajtx nifhem kif kafetterija fuq vapur setgħet taħdem bit-telf. Investigajna u sibna li kien hemm xi ħaddiema li kienu qed jabbużaw u qatt ma ttieħdet azzjoni fuqhom
Qalli li ħadem bla heda flimkien mal-ħaddiema responsabbli biex naqqsu l-ħela u fl-aħħar tas-sena li għaddiet it-telf waqaf.
Joe Cordina qalli li mhux kulħadd jaf kif taħdem eżatt il-kumpanija. Ftit jafu li l-vapuri mhumiex tal-Gozo Channel iżda tal-kumpannija Gozo Ferries Ltd li taqa’ taħt il-MIMCOL. It-trasport għal Għawdex hu regolat mill-PSO fejn il-Gozo Channel jieħdu ħsieb l-operat u l-Gozo Ferries jieħdu ħsieb l-ispiża kapitali tal-vapuri. Dan ifisser ukoll li filwaqt li l-Gozo Channel waqqfu t-telf li kien qed isir, il-Gozo Ferries titlef €1 miljun minħabba t-telf fil-valur tal-vapuri. Barra hekk Cordina qal li wieħed irid jifhem li li twaqqaf it-telf jiswa aktar minn qatt qabel. Qabel il-Gvern kien iħallas lill-PSO €4.6 miljun fis-sena li l-Gozo Channel tuża bħala għajnuna biex iżżomm l-prezzijiet baxxi. Dan il-ftehim isir kull seba’ snin, u ħames snin ilu l-Gvern kien taha biss €600,000 - jiġifieri naqqas €4 miljun. “Dan ifisser li jien kelli naħdem biss 1ċ sussidju fuq kull persuna li jaqsam.”
Staqsejtu jekk jaqbilx mal-privatizzazzjoni tal-kumpanija, “naqbel li jista’ jkun hemm sħubija mal-privat, iżda mhux kollha. Għalkemm irrid nammetti li din hi opinjoni personali tiegħi u ma tfissirx li l-Gvern jew il-Ministeru għal Għawdex qed jaħseb fuq dawn il-linji. Servizzi essenzjali bħal Air Malta u Gozo Channel, b’din tal-aħħar tkun l-uniku triq għal Għawdex, m’għandhomx jingħataw lill-barrani għal kollox.
“Il-Gozo Channel hu servizz soċjali għal Għawdex u trid fl-istess ħin tagħmel il-profitt u għalhekk break even hu aċċettabli. Ftit jafu li l-prezzijiet huma kkontrollati mill-PSO u fl-istess ħin trid tassorbi xi żidiet li jkun fil-fuel.”
Sadattant sew il-Gvern Laburista, kif ukoll l-ħaddiema u studenti Għawdxin ilhom jitolbu l-fast ferry service u dan għadu ma sarx. Mistoqsi x’inhuma l-problemi li qed jiffaċċja l-Gozo Channel fuq din il-wegħda elettorali tal-Gvern, iċ-chairman tal-Gozo Channel qal, “Interessanti li wieħed ikun jaf li hawnhekk il-PSO ma tagħtix flus għal Gozo Fast Ferry u għalhekk dan ma jkunx jista’ jiġi megħjun finanzjarjament u l-prezz jiġi għoli ħafna. Irridu naraw il-pjan b’mod ħolistiku. Barra hekk, jekk tidħol kumpanija privata, il-vapuri tagħhom fejn se jitrakkaw? Għax post għalihom ħadd ma ħaseb fiż-żewġ terminals. Jista’ pereżempju jinkera vapur jgħaġġel mill-Gozo Channel, iżda jrid isir bi pjan tajjeb għax irridu nifhmu li dan se jintuża mill-ħaddiem Għawdxi.”
Wara li tkellimt ma’ Joe Cordina dwar dak li sab u dwar kif miexja din il-kumpannija li taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex qalli dwar sfidi ġodda li għandu quddiemu. Semma l-abbużi kbar li qed isiru minn dgħajjes privati li minn Għawdex qed iwasslu lill-passiġġieri barranin li jaslu Għawdex bil-Gozo Channel mingħajr ma jħallsu, għax is-sistema ta’ biljetti qiegħda li jħallsu huma u sejrin lura. Huma imbagħad taparsi joffrulhom li jgħadduhom minn Kemmuna. Dawn qed jieħdu rikba tajba fuq il-Gozo Channel. “Din il-problema kkumplikat ruħha meta tara li terminal ġdid fiċ-Ċirkewwa li sewa €15-il miljun, ma ħasibx għal sistema tal-biljetti. Issa rridu nerġgħu nagħmlu investiment kbir biex noħolqu sistema ta’ biljetti bir-ritorn minn Malta u nwaqqfu l-abbużi tad-dgħajjes privati.”
Il-parkeġġ fil-Port tal-Imġarr ukoll iqajjem tgergir fost il-ħaddiema Għawdxin meta dan jimtela bil-karozzi tal-kiri mingħajr ma jħallsu xejn. “Ifhimni ħadd ma jrid iħallas għall-parkeġġ u fil-fatt dan il-parkeġġ hu bla ħlas. Iżda issa neħħejna l-abbuż li l-postijiet jimtlew bil-karozzi tal-kiri għax għamilna regola li kull karozza ma tistax tiġi pparkjata aktar minn 24 siegħa, inkella għax tiġi ttowjata. Anke ċ-Ċirkewwa hemm bżonn li ssir sistema ta’ parkeġġ għall-ħaddiema Għawdxin li jħallu t-tieni karozza ċ-Ċirkewwa - biex jiffrankaw il-flus tal-qsim ta’ kuljum.”
Cordina hu favur li wieħed iħallas ftit iżjed biex jitla’ qabel – il-priority boarding, u qal li jħossu sorpriż kif il-Kamra għan-Negozju f’Għawdex (GBC) huma kontriha meta dawn l-aktar li jistgħu jieħdu vantaġġ minnu. “Il-GBC kienu l-akbar tfixkil li minħabba fih l-priority boarding ma sarx.”
Dwar il-messaġġ negattiv li l-ħaddiema jitrasmettu mal-klijenti li jaqsmu kuljum, Cordina qal li hemm bżonn li l-ħaddiema jitbissmu ftit aktar, ikunu aktar ġentili mal-klijenti. Iżda wieħed irid jifhem ukoll li l-karattru Għawdxi hu dak li hu li jibqa’ pass lura u forsi dan qed jidher negattiv vis-a-vis il-ħaddiema. Il-klijenti jridu jifhmu wkoll li dawn in-nies jagħtu servizz ta’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa u 365 ġurnata fis-sena.”
Joe Cordina hu wkoll is-sindku tax-Xagħra għal dawn l-aħħar tmien snin filwaqt li ilu fil-Kunsill 14-il sena. Kien hu fil-fatt li qaleb il-maġġoranza lejn il-Partit Laburista fix-Xagħra. Cordina jgħid li hu jħobb ix-Xagħra ħafna u minkejja l-fatt li hu joħroġ f’isem il-Partit Laburista, iħoss li hu sindku ta’ kulħadd u l-interess tiegħu huma x-Xagħrin kollha - inkluż dawk Maltin li huma residenti ix-Xagħra. Mitlub jgħidilna għaliex jemmen li għandu jerġa’ jsir sindku tax-Xagħra Cordina qal, “Għax ix-Xagħrin jafu li qatt ma raw xogħol infrastrutturali daqs kemm saru f’dawn it-tliet snin. Ħdimna ħafna biex qatt ma tlifna ċans wieħed li nakkwistaw fondi Ewropej. Nisperaw li kulmin japprezza x-xogħol li sar, liema xogħol li kulħadd jista’ jarah b’għajnejh, jerġgħa jagħtina l-fiduċja.”
Sadattant il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem ħafna biex jirbaħ is-sindakat tiegħu. Barra hekk qed jissemma l-fatt li minħabba li l-elezzjonijiet lokali se jsiru f’April, meta t-temp ikun aħjar, dan ħa jgħin lil Partit Nazzjonalista. Dan għax jitilgħu dawk il-Maltin li għandhom il-vot fuq ix-Xagħra u li għandhom tendenzi Nazzjonalisti. “Il-PN qatt ma niżżilha li tilef ix-Xagħra minn taħt idejh u jaf li x-Xagħrin jivvutaw lill-kandidati tal-PL. Għalhekk qed jittamaw f’dawk il-Maltin li għandhom il-karta tal-identità fuq ix-Xagħra li iżda ma jafux x’qed isir għax-Xagħra. B’hekk dawn jivvutaw għall-partit li jħaddnu, u mhux għal min qed jaħdem. Iżda xorta nemmen li dan l-ostaklu se negħlbuh u nerġgħu nirbħu x-Xagħra.”
Mistoqsi jekk għadux interessat li jerġa’ jkun kandidat Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali Cordina wieġeb, “jekk il-Partit jitlobni, hemm inkun.”