Ħames snin ngħix f’Għawdex għallmuni li.......Għawdex mhux estensjoni ta’ Malta

Għawdex u l-Għawdxi analizzat

Erba’ kilometri ta’ baħar jagħmlu differenza kbira u dan esperjenzajtu jien stess f’dawn il-ħames snin li ilni ngħix Għawdex fejn l-Għawdxin iqisuni bħala ‘Għawdxi adottat’.

Ikun  żball kbir jekk wieħed jaħseb li Għawdex, li hu mmexxi minn Gvern Malti, tperper fuqu  l-istess bandiera u tiġi mitkellma l-lingwa Maltija (anke jekk bi djalett qawwi) hu estensjoni ta’ Malta. Għawdex hu uniku, b’kultura unika, b’mentalità unika u bi djalett uniku u ċertu kliem uniċi wkoll.

F’ħames snin tgħallimt ukoll li l-Għawdxin għandhom stil ta’ ħajja differenti filwaqt li hemm qasma kbira f’dik li hi edukazzjoni. Hemm dawk li ma jinteressahomx mill-iskola u ma baqgħux jistudjaw u minflok għażlu li jintefgħu fuq xogħol manwali ta’ biedja u kostruzzjoni li kultant jrendilhom finanzi aktar minn dawk li għażlu l-ħajja akkademika. Imbagħad hemm oħrajn li huma ġenji fl-iskola - triq tan-nofs f’Għawdex kważi hi ineżistenti.

Hi gżira ta’ kuntrasti għalkemm fl-Għawdxin hemm ħaġa komuni li tagħmilhom uniċi. Huma nies li kapaċi b’għaqal kbir dak li jaqilgħu jgawduh sew, ikattruh u jieħdu l-aħjar użu minnu. Dan il-fattur minħabba fih jista’ jkun li xi Maltin isejħulhom “qammelin”. Iżda meta tgħix magħhom tinduna li huma ferm ‘il bogħod minn qammelin. Huma nies bil-għaqal u mill-flus li jaqilgħu kapaċi jieħdu l-aħjar mingħajr ma jaħlu xejn. Jaraw li għalxejn tixtri erba’ qliezet għax ikunu irħas, meta jkollok bżonn wieħed biss. Għalhekk jagħżlu qalziet wieħed ta’ kwalità għolja milli erba’ ta’ kwalità baxxa. Hekk jew b’hekk iservihom aktar. Imorru għal kwalità aktar milli għal kwantità. Huma nies li kapaċi jgawdu ħafna l-flus li jaqilgħu iżda ftit jew xejn jaqsmuhom ma’ ħaddieħor. Din hi l-mentalità Għawdxija fejn il-kelma ‘ħela’ mhix fil-vokabularju tagħhom.

L-għaqal fl-Għawdxi nbena minħabba l-fatt li jrid ibati iżjed biex jasal fejn irid. L-opportunitajiet huma inqas minn dawk tal-Malti, għalhekk irid jistinka minn kmieni u dan iħallih jagħraf iżjed x’jiġifieri taqla’ fwiedek biex taqla’ l-flus.

L-istudent Għawdxi jinqata’ minn mal-ġenituri kmieni fil-ħajja biex imur Malta jkompli l-istudji tiegħu. Il-ġenituri jridu jaħsbu biex uliedhom ikollhom fejn joqogħdu meta jkunu jistudjaw Malta. Barra hekk ħafna minnhom jitilfuhom għal kollox minn Għawdex meta l-istudenti Għawdxin jibdew jinnamaraw ma’ dawk Maltin u jibqgħu jgħixu Malta. Ħafna Għawdxin jgħidulek, “Aħna nitilfu lill-uliedna kmieni wisq”.

L-uniku ħaġa li skantatni sew dan l-aħħar hi meta tfaċċaw whistleblowers dwar każi ta’ abbużi politiċi. Għax f’Għawdex tgħallimt li hemm omertà sħiħa - tara x’tara u tisma’ x’tisma’ agħlaq ħalqek u tibqa’ ħabib ma’ kulħadd mingħajr ebda problemi. Ma tafx min tiġi bżonn!  Barra hekk,  meta tgħid fuq xi ħadd hemm iċ-ċans li dak li tkun qed titkellem miegħu jkun xi qarib ta’ min qed titkellem dwaru. Dawn huma ftit eżempji tad-differenza bejn il-mentalità tal-Għawdxi u l-Malti.

Iżda barra l-mentalità unika, Għawdex joffri anke kultura unika li żgur għandha tiġbed lejn il-gżira tat-tliet għoljiet dak il-Malti li jixtieq iqatta’ ftit ta’ jiem differenti mir-rutina ta’ kuljum.

Għawdex joffri kampanja aktar selvaġġa bi trejqiet li wieħed jista’ jimxi fihom b’kumdità u bi trankwillità. Għawdex joffri kosta li dawk li jħobbu jimxu jistgħu jduru magħha kollha f’xenarju mill-aktar pittoresk. Għawdex joffri sewqan trankwill, fejn minħabba li l-volum tal-karozzi mqabbel mal-kobor tal-gżira hu inqas minn dak ta’ Malta, il-problemi tat-traffiku f’Għawdex ma jeżistux. Għawdex joffri trasport pubbliku perfett u fil-ħin. Għawdex joffri trasport bil-vapur miċ-Ċirkewwa sal-Port tal-Imġarr 24 siegħa kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa.

Ħafna Maltin huma tal-idea li l-wardens f’Għawdex ikunu pronti biex iwaħħlu ċ-ċitazzjonijiet lit-turisti Maltin, iżda din hi idea żbaljata. Il-wardens iwaħħlu ċitazzjonijiet lill-Għawdxin ukoll - jistaħbew f’kantunieri ta’ kuljum għas-sewwieqa Għawdxin ukoll. Jiġifieri r-riforma fil-wardens li suppost hi mwegħda lill-poplu Malti hemm bżonnha f’Għawdex ukoll.

Min ifittex divertiment stil ta’ Paceville jaqbillu jekk jibqa’ Malta. Il-ħajja f’Għawdex hi differenti minn dik Maltija, speċjalment dik ta’ bil-lejl. Fix-xitwa l-ħruġ u divertiment filgħaxija tista’ tgħid li kważi ineżistenti u fis-sajf differenti. Tista’ tiltaqa’ mal-Għawdxin f’bars ċkejknin fil-villaġġi inkella wine bars li qed jinbtu minn żmien għal żmien. Ir-ristoranti b’ikel tradizzjonali Għawdxi u tal-ħut huma fost l-aktar imfittxija fejn il-ħut ikun frisk u l-ikel ikun normalment magħmul minn ingredjenti naturali u ta’ Għawdex. L-ikel fir-ristoranti Għawdxin hu aktar ġenwin u irħas fil-prezz. Anke l-pizzeriji li hemm madwar Għawdex għandhom prezzijiet irħas ukoll. F’Għawdex issib ukoll ‘pizza’ b’differenza li ssibha f’Għawdex biss, il-ftira għawdxija mimlija bil-ġbejniet tan-nagħaġ.

Il-ġbejniet, iż-żejt u l-inbid Għawdxi għandhom togħma differenti minn dawk Malti. Dan minħabba l-fatt li l-gżira ta’ Għawdex hi aktar esposta għar-riħ, għandha iżjed kampanja fejn jirgħu n-nagħaġ - li kultant għadek tarahom jirgħu bir-raħħal jgħajjat magħhom u bil-kelb idur magħhom, u t-temperatura hi dik ta’ grad inqas minn Malta, aktar kiesħa fix-xitwa u aktar friska fis-sajf.

L-akkomodazzjoni f’Għawdex hi differenti minn kważi l-gżejjer kollha fil-Mediterran. Hemm biss 7 lukandi. Il-Maltin f’Għawdex ifittxu l-farmhouses li hemm minnhom li huma aktar djar antiki li ġew mibdula f’dak li qed isejħulhom ‘farmhouses’ u hemm oħrajn li nbnew ġodda. Dan il-fenomenu li ssibu f’Għawdex donnu hu l-aktar li jiġbed żgħażagħ lejn Għawdex, farmhouses li fihom jorqdu sa tużżana bi gruppi ta’ żgħażagħ iqattgħu ljieli jitbaħartu, jixorbu, jieklu u jiffriskaw fil-pool għal xi jiem b’xi ftit storbju għal dawk li jgħixu fil-madwar. Għalkemm dan l-istil ta’ ħajja mhux liż-żgħażagħ biss tiġbed iżda anke gruppi ta’ ħbieb ta’ mezz’età li b’dan il-mod imorru ftit lura fiż-żmien li jkun beda għaddej ġmielu minn fuqhom.

L-Għawdxin iħobbu jirreklamaw il-gżira tagħhom għat-turiżmu reliġjuż għalkemm inħoss li ftit jew xejn nara differenza mit-turiżmu reliġjuż li toffri Malta. Il-knejjes Għawdxin huma iżgħar minn dawk ta’ Maltin, b’dawn tal-aħħar jaf għandhom xi ftit aktar rikkezzi wkoll. Jekk dawk Għawdxin għandhom lil Ta’ Pinu tiġbed il-pellegrini, f’Malta hemm oħrajn bħar-Redentur, il-Girgenti u oħrajn li wkoll jiġbdu eluf ta’ pellegrini. Forsi d-differenza hi li nhar ta’ Ħadd l-Għawdxin jilbsu l-aħjar ħwejjeġ biex imorru l-quddiesa u hemm aktar min għalih l-ewwel prijorità għal uliedhom tibqa’ d-duttrina.

Fir-referenda li saru f’Għawdex ir-riżultati dejjem kienu differenti mir-riżultati f’Malta, fejn pereżempju li kien għall-Għawdxin id-divorzju m’għaddiex. Bħalissa jew nafu, jew qed nistennew ir-riżultat tar-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa, fejn jista’ jkun li l-vot tal-IVA jirbaħ fuq dak tal-LE f’Għawdex. Dan ma jfissirx li f’Għawdex hawn iżjed kaċċaturi - iżda għax mill-kaċċa bosta Għawdxin jagħmlu l-flus billi jikru jew ibigħu art lil kaccaturi Maltin.

U dan kollu juri li Għawdex mhix estensjoni ta’ Malta, iżda hi gżira unika, b’poplu uniku u b’mentalità u kultura unika. Li nista ngħid hu li meta tidra l-ħajja Għawdxija diffiċli ħafna li tgħix band’oħra.

 

More in G?awdex