Pika politika twassal għal periklu għat-tfal
- Il-kunsilliera Laburisti favur grawnd għat-tfal; dawk Nazzjonalisti jivvutaw kontra
Pika bejn kunsilliera miż-żewġ partiti qed itellfu milli tfal tal-Fontana jkollhom pitch tal-Football fejn jilagħbu mingħajr periklu. Din hija pika li tista’ twassal għal periklu għat-tfal tal-lokal.
Dan l-aħħar l-ILLUM ġietu ittra f’idejh mibgħutha minn Horace Micallef -kunsillier bl-akbar numru ta’ voti mal-Partit Laburista, li hu fil-minoranza tal-kunsill lokali tal-Fontana.
Dan fil-fatt qassam kopja tal-minuti meta l-Kunsill iddiskuta mozzjoni mressqa minnu biex isir grawnd tal-Football fil-Fontana - li m’għaddietx meta sar vot fuqha hekk kif il-viċi sindku m’attendiex u kien skużat, u għalhekk is-sindku Saviour Borg kellu juża l-vot deċiżiv biex il-mozzjoni ma tgħaddix - jiġifieri uża żewġ voti, tiegħu bħala kunsillier u tiegħu bħala sindku.
Horace Micallef qassam il-kopja tal-minuti, ittra miktuba minnu indirizzata lir-residenti u kopja tal-mozzjoni li ressaq. Dawn qassamhom bieb bieb lir-residenti kollha tal-Fontana li hi aktar magħrufa mal-Għawdxin bħala Triq tal-Għajn.
L-ILLUM iddeċieda li jmur filgħaxija qabel id-duttrina u wara d-duttrina fejn fuq iz-zuntier wieħed seta’ jara diversi tfal jilagħbu l-ballun u biswitu wieħed jista’ jara, inkluż fir-ritratti li ġbidna, triq prinċipali li hi traffikuża ħafna għal dawk li jkunu sejrin jew ġejjin mix-Xlendi.
Il-periklu hu li jekk l-ballun jmur fit-triq u xi wieħed mit-tfal jmur jiġri għalih jista’ jissogra li tkun għaddejja xi karozza. Fil-fatt skont Horace Micallef kienu r-residenti li talbuh jagħmel din il-mozzjoni biex jsir grawnd artifiċjali fuq in-naħa ta’ wara tal-bandli tal-lokalità fejn it-tfal tal-lokal ikunu jistgħu jilagħbu l-ballun f’ambjent aktar sigur.
Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM