L-arti tkompli tifjorixxi f’Għawdex

  • 1,200 student tal-arti fl-ewwel sena tal-iskola
  • 200 mill-istudenti huma tfal 

Proġett pijunier li sar f’Għawdex kellu suċċess kbir fl-ewwel sena tiegħu - għall-ewwel darba d-drama, l-arti u l-mużika ġew mpoġġija f’settur wieħed, jew aħjar fi skola waħda l-Gozo Visual & Performing Arts School fix-Xewkija – fejn  qabel kienet sservi bħala l-MCAST.

Koordinatur f’dan il-proġett ġdid hu l-artist żagħżugħ Għawdxi, Vince Caruana li sas-sena li għaddiet kien jgħallem l-arti fl-iskola tal-arti li kien hemm Għajnsielem. Illum qiegħed jamministra s-sezzjonijiet kollha.

Din l-iskola għandha fiha 5 studios tal-arti, studio tal-iskultura, studio tal-arti tat-tnaqqix, sala tal-ballet, żewġ studios żgħar tal-ballet, dark room, klassijiet ‘multi purpose’, klassijiet tal-mużika u partijiet għar-rikrejazzjoni.

Biex jieħdu ħsieb l-istudenti f’dawn it-tliet sezzjonijiet hemm 30 għalliem kwalifikat u espert fil-qasam tiegħu. Din l-iskola fetħet il-bibien tagħha f’Ottubru li għaddha u ġibdet lejha 1,200 student u studenta Għawdxija, minn 5 snin sa 90 sena. Interessanti l-fatt li nhar ta’ Ġimgħa u s-Sibt filgħodu jattendu 200 tfal jitgħallmu l-arti.

Bħalissa  wieħed jista’ jara x-xogħol ta’ diversi studenti fis-sala tal-Ministeru ta’ Għawdex fejn hemm xogħlijiet ta’ pittura u skultura b’diversi temi. Hemm sezzjonijiet tat-tfal, adulti, pittura kontemporanja, sagra, skulturi u anke dik nuda, fejn Vince Caruana qalli li ma tinstab l-ebda diffikultà biex mudelli nudi jippużaw quddiem l-artisti adulti, anke jekk dawn ikunu jafuhom personali.

Jidher li din il-wirja qed tiġbed ħafna dilettanti u hawn wieħed jara kif l-arti qed tkompli tifjorixxi f’Għawdex.

Din l-iskola mhux qiegħda hemm biex tagħmel il-flus minn fuq l-istudenti iżda biex joħloq aktar għatx għall-arti, drama u mużika. Tant hu hekk li studenti taħt is-16-il sena u dawk bil-kartanzjan ma jħallsu xejn. L-oħrajn kulma jħallsu hu €30 ta’ sena. Sadattant id-dħul li jista’ jkun hemm minn xi bejgħ ta’ xi biċċa arti tinżamm mill-istudent.

Tkellimt mal-kordinatur Vince Caruana li qalli li l-għan prinċipali tal-iskola hi li toħroġ il-potenzjal ta’ kull individwu. “Irridu noħolqu kommunità ta’ studenti u ntuhom l-appoġġ tagħna għal kollox, biex ikunu kunfidenti, kompetenti u ta’ suċċess fis-soċjetà – iridu jkunu preparati għall-ħajja fid-dinja tal-arti. Dan kollu jiġi minn rispett reċiproku lejn xulxin u lejn l-oħrajn. Dan nagħmluh billi noħolqu spirtu ta’ tim.

Din l-iskola li hi msejħa bħala VPA – u taħdem b’kollaborazzjoni mad-direttorat tal-Lifelong Learning b’akkredizazzjoni ta’ diversi korsijiet mal-NCFHE. L-iskola tipprovdi wkoll opportunitajiet għall-istudenti biex jipproduċu xogħlhom f’eżebizzjonijiet, avvenimenti u produzzjonijiet filwaqt li anke jiġu mistiedna studenti u għalliema minn skejjel oħra biex l-istudent itejjeb it-tagħlim tiegħu.

L-iskola mhix tal-arti biss u fil-fatt toffri 17-il kors tal-arti, 18-il kors tad-drama u 11-il kors tal-mużika. Ħolqot ukoll paġna fuq il-facebook ħalli l-istudenti jkollhom eżebizzjoni ta’ xogħlhom f’kull ħin madwar Malta u Għawdex kollu.

L-istudenti tal-iskola ġew involuti f’diversi inizjattivi bħall- inawgurazzjoni taċ-ċentru tal-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura f’dar il-Lunzjata Għawdex. Il-kartolina tal-ministeru ta' Għawdex intagħżlet minn tpinġija ta’ tifla ta’ 9 snin, Alicia Said li xogħlha ġie mqassam ma’ 13,000 dar f’Għawdex.

Fit-teatru Don Bosco ġie organizzat kunċert lejn l-aħħar tas-sena 2014 fejn fi spettaklu ta’ sagħtejn ġew inkorporati t-tliet dixxiplini, arti, mużika u drama, bl-artisti jpinġu filwaqt li ż-żeffiena u atturi żgħażagħ flimkien mal-mużiċisti taw wirjiet quddiem pubbliku ta’ 450 persuna.

Fi Frar l-iskola pproduċiet karru tal-karnival li kien jwassal messaġġ satiriku - ‘Intfajna lkoll f’Bixkilla: biex l-arti żgur tibbrilla’, u pproduċew trofej mill-isbaħ bit-tafal biex ingħataw bħala premjijiet lir-rebbieħa. L-iskola iddiżinjat u pproduċiet trofej għall-Gozo Sports Board biex ingħataw lir-rebbieħa tal-isportivi tas-sena li saru f’Għawdex għall-ewwel darba wara nuqqas ta’ madwar 16-il sena.

F’April saret kompetizzjoni biex tinħoloq logo għall-Konfederazzjoni Għawdxija tal-Agrikoltura u Sajd biex tiġi użata bħala emblema uffiċjali.

Mejju kien ddedikat lill-istudenti tal-mużika fejn l-istudenti tal-mużika taw wirjiet tat-talenti tagħhom fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex.

Il-wirja tal-arti se tibqa’ sejra sat-28 ta’ Mejju. Sa ma tispiċċa is-sena skolastika, l-iskola se torganizza diversi workshops u attivitajiet tal-arti, mużika u drama fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Familja fit-23 ta’ Mejju fil-Wied tal-Lunzjata. Barra minn hekk fl-4 ta’ Ġunju il-VPA School, flimkien mad-dipartiment tal-Kultura f’Għawdex se torganizza ‘A Night at the Gardens’ fil-ġnien Villa Rundle fejn se jkun hemm diversi attivitajiet u wirjiet li jiddevertu lill-pubbliku preżenti.

Dan kollu juri s-suċċess li sar f’din l-iskola speċjalizzata fl-arti, drama u mużika li żgur ma ddumx ma tiġi assimilata f’Malta meta s’issa dawn it-tliet sezzjonijiet tal-arti huma tliet entitajiet mifruda minn xulxin.

Is-suċċess juri bil-provi li l-arti, d-drama u l-mużika f’Għawdex qed ikomplu jifjorixxu u b’din l-iskola żgur li l-futur artistiku Għawdxi hu garantit.

Fil-15 ta’ Lulju se jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-istaġun li jmiss u jagħlaq fis- 7 ta’ Awwissu. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru jew online: www.lifelonglearning.gov.mt, inkella jinġabru mill-uffiċċji tal-Iskola VPA, Soil Street, ix-Xewkija. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel 27830774.

 

 

More in G?awdex