“Bil-kemm ma qalux li mort l-isptar biex nistaħba” – Anton Refalo
Refalo jwieġeb għal kull alegazzjoni li saret dwaru
L-Oppożizzjoni għal diversi ġimgħat bdiet tinstiga li Anton Refalo mhux qed iwieġeb għal dawn l-akkużi, talbitu jitfa’ r-riżenja tiegħu u anke li qed jistaħba milli jwieġeb għal dawn l-akkużi. Xahrejn wara dawn l-allegazzjonijiet fis-sala tal-Parlament il-ġdid u waqt trasmissjoni diretta fuq l-istazzjon il-ġdid tal-Parlament, tfaċċaw it-tweġibiet tal-Ministru Refalo li beda d-diskors tiegħu billi qal li fi 28 sena fil-Parlament, dejjem mexa b’sens ta’ korrettezza u b’lealtà lejn il-membri taż-żewġ naħat tal-Kamra. “Nifhem u naċċetta ukoll sa ċertu punt li jien ukoll qiegħed fil-mira tal-attakki tal-Partit avversarju. Li jiddispjaċini hi li meta tkun taf li persuna qegħda f’qiegħ ta’ sodda għaddejja minn żmien diffiċli tibda titfa’ t-tajn, waħda wara l-oħra, toħroġ tgħajjat li jien ma ridtx nirrispondi, anżi saħansitra tipprova wkoll tinsinwa li jien qiegħed moħbi x’imkien. Bilkemm ma qalux li mort l-isptar finta biex ninħeba u li jien ma kelli xejn. Fil-konfront tiegħi u tal-ministeru li mmexxi jien, saru ħafna allegazzjonijiet li saru xogħlijiet għall-voti wkoll fil-gżira Għawdxija.”
Dwar l-allegazzjonijiet il-Minsitru Refalo qal - “Qalu li jien għamilt xogħlijiet San Lawrenz f’garaxxijiet privati. Mela tajjeb ngħid u nispjega li t-Triq ta’ San Lawrenz hija waħda mill-ikbar skandli ta’ dan il-Gvern. Jien ħadt il-files kollha għand il-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga din it-triq. Wara li saret sibna li l-livelli ma sarux sew b’tali mod u manjiera li t-triq kellha titbaxxa bir-riżultat li kien hemm il-garaxxijiet f’din it-triq ta’ San Lawrenz, persuna li riedet tuża dan il-garaxx ma setgħetx titla’ bil-vettura tagħha minn ġol-garaxx. Kien hemm żewġ alternattivi - jew li ngħollu t-triq ta’ dawn il-garaxxijiet biex ikunu jistgħu jużawhom, bil-konsegwenza li xħin ngħollu t-triq l-Pjazza ta’ San Lawrenz li kienet ’l isfel iktar kienet timtela’ bl-ilma; jew jekk inħallu t-triq baxxa ridna jew nagħmlu rampa għal ġot-triq b’periklu kbir għal min jużaha. Stajna nagħmlu rampa ġol-garaxxijiet ta’ dawn in-nies b’tali mod u manjiera li min jidħol fil-garaxx isib quddiemu nofs il-garaxx b’rampa ġo fih. Irrid ngħid ukoll u din ma ssemmiet qatt li wieħed mir-residenti ta’ dik it-triq għamel lill-Gvern għamel lill-Ministeru ta’ Għawdex mandat ta’ inibizzjoni – morru sibuh bin-numru 23 tas-sena 2013 – quddiem il-Maġistrat Demicoli. Dan il-mandat il-Ministeru ta’ Għawdex ġie mitlub li jiġi inibit milli jagħmel ix-xogħlijiet neċessarji tal-bankini. Aħna bħala Ministeru, għaliex kien it-tort tagħna kellna nbaxxu l-garaxx. Min-naħa l-oħra l-proprjetarji tal-istess garaxx kien responsabbli li jirranġa l-bieb tal-garaxx, jiġifieri jtawlu iktar u jagħmel dawk ix-xogħlijiet kollha neċessarji. Naturalment la mxejna b’ġustizzja ma’ din il-persuna, kellna nimxu l-istess maż-żewġ jew tlett persuni oħra li wkoll kienu residenti f’dik it-triq. Allura b’din qegħdin jgħidu li għamilna xogħol fil-privat, u dawn jaħsbu li bnejna xi garaxxijiet? U biex tgħaxxaqha wieħed minnhom kien ix-xufier tal-Onor. Chris Said.”
It-tweġibiet kollha fuq il-ħarġa tal-ILLUM