“Bilkemm ma qalux li mort l-isptar biex nistaħba” – Anton Refalo
Refalo jwieġeb għal kull allegazzjoni li saret dwaru
Ftit tal-ġimgħat ilu waqt il-kampanja tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, l-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo spiċċa l-isptar fejn kellu bżonn issirlu anġjoplastija. Waqt li kien qed jirkupra minn dan l-intervent kardjaku l-Oppożizzjoni ħarġet tattakka lil Ministeru ta’ Għawdex li kien qed isir xogħol mħallas mill-Ministeru għall-privat - forma ta’ kontrattakk ta’ dak li għaddej bħalissa fil-qorti ta’ Għawdex fejn qed jiġi ndagat Anthony Debono, ir-raġel tal-eks ministru għal Għawdex Giovanna Debono. Każ li hu identiku għal dak li l-Ministru Refalo ġie akkużat bih.
L-Oppożizzjoni għal diversi ġimgħat bdiet tinstiga li Anton Refalo mhux qed iwieġeb għal dawn l-akkużi, talbitu jitfa’ r-riżenja tiegħu u anke li qed jistaħba milli jwieġeb għal dawn l-akkużi. Xahrejn wara dawn l-allegazzjonijiet fis-sala tal-Parlament il-ġdid u waqt trasmissjoni diretta fuq l-istazzjon il-ġdid tal-Parlament, tfaċċaw it-tweġibiet tal-Ministru Refalo li beda d-diskors tiegħu billi qal li fi 28 sena fil-Parlament, dejjem mexa b’sens ta’ korrettezza u b’lealtà lejn il-membri taż-żewġ naħat tal-Kamra. “Nifhem u naċċetta ukoll sa ċertu punt li jien ukoll qiegħed fil-mira tal-attakki tal-Partit avversarju. Li jiddispjaċini hi li meta tkun taf li persuna qegħda f’qiegħ ta’ sodda għaddejja minn żmien diffiċli tibda titfa’ t-tajn, waħda wara l-oħra, toħroġ tgħajjat li jien ma ridtx nirrispondi, anżi saħansitra tipprova wkoll tinsinwa li jien qiegħed moħbi x’imkien. Bilkemm ma qalux li mort l-isptar finta biex ninħeba u li jien ma kelli xejn. Fil-konfront tiegħi u tal-ministeru li mmexxi jien, saru ħafna allegazzjonijiet li saru xogħlijiet għall-voti wkoll fil-gżira Għawdxija.”
Dwar l-allegazzjonijiet il-Minsitru Refalo qal - “Qalu li jien għamilt xogħlijiet San Lawrenz f’garaxxijiet privati. Mela tajjeb ngħid u nispjega li t-Triq ta’ San Lawrenz hija waħda mill-ikbar skandli ta’ dan il-Gvern. Jien ħadt il-files kollha għand il-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga din it-triq. Wara li saret sibna li l-livelli ma sarux sew b’tali mod u manjiera li t-triq kellha titbaxxa bir-riżultat li kien hemm il-garaxxijiet f’din it-triq ta’ San Lawrenz, persuna li riedet tuża dan il-garaxx ma setgħetx titla’ bil-vettura tagħha minn ġol-garaxx. Kien hemm żewġ alternattivi - jew li ngħollu t-triq ta’ dawn il-garaxxijiet biex ikunu jistgħu jużawhom, bil-konsegwenza li xħin ngħollu t-triq l-Pjazza ta’ San Lawrenz li kienet ’l isfel iktar kienet timtela’ bl-ilma; jew jekk inħallu t-triq baxxa ridna jew nagħmlu rampa għal ġot-triq b’periklu kbir għal min jużaha. Stajna nagħmlu rampa ġol-garaxxijiet ta’ dawn in-nies b’tali mod u manjiera li min jidħol fil-garaxx isib quddiemu nofs il-garaxx b’rampa ġo fih. Irrid ngħid ukoll u din ma ssemmiet qatt li wieħed mir-residenti ta’ dik it-triq għamel lill-Gvern għamel lill-Ministeru ta’ Għawdex mandat ta’ inibizzjoni – morru sibuh bin-numru 23 tas-sena 2013 – quddiem il-Maġistrat Demicoli. Dan il-mandat il-Ministeru ta’ Għawdex ġie mitlub li jiġi inibit milli jagħmel ix-xogħlijiet neċessarji tal-bankini. Aħna bħala Ministeru, għaliex kien it-tort tagħna kellna nbaxxu l-garaxx. Min-naħa l-oħra l-proprjetarji tal-istess garaxx kien responsabbli li jirranġa l-bieb tal-garaxx, jiġifieri jtawlu iktar u jagħmel dawk ix-xogħlijiet kollha neċessarji. Naturalment la mxejna b’ġustizzja ma’ din il-persuna, kellna nimxu l-istess maż-żewġ jew tlett persuni oħra li wkoll kienu residenti f’dik it-triq. Allura b’din qegħdin jgħidu li għamilna xogħol fil-privat, u dawn jaħsbu li bnejna xi garaxxijiet? U biex tgħaxxaqha wieħed minnhom kien ix-xufier tal-Onor. Chris Said.”
“Imbagħad issemmiet it-trinka tas-Sannat fil-Munxar fejn aħna l-Ministeru għamilna trinka b’xejn. Jekk wieħed jara l-file jsib li d-deċiżjoni li ssir din it-trinka u titħallas mill-gvern ma tteħditx minna meta tlajna fil-Gvern imma ttieħdet f’2012 mill-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern u meta jien naturalment ma kontx Ministru għal Għawdex. Li sar huwa li hemmhekk kellek razzett ġor-Rabat, razzett mibni fuq proprjetà privata, razzett tal-baqar bil-liċenzji kollha neċessarji, dan ir-razzett kien qasam l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, kien hemm biss ħajt jifred. Mhux darba jew tnejn li kien hemm xi baqra tidħol addirittura ġol-isptar, l-irwejjaħ li kien ikun hemm fl-isptar meta r-riħ kien jonfoħ għal ġol-isptar u żgur li ma kinitx iġene tajba li tħalli razzett ħdejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex meta kulħadd jaf li l-Gvern kien qed jippjana biex ġġib l-iskola ta’ Barts fil-gżira Għawdxija. B’hekk aħna, l-WSC u l-Enemalta għamilna din it-trinka mhux biss lil dan il-bidwi, li kieku ma saritx dakinhar dan il-bidwi kien jitlef il-fondi kollha tal-UE b’tali mod u manjiera kien jibqa’ fejn hu, imma saret trinka li minnha nqdew 4 jew 5 bdiewa oħra. B’hekk dan il-bidwi ġie rilokat bir-riżultat li issa fejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’għandekx iktar razzett li kien bil-permess u bil-liċenzji.”
“Qalu li għamilt xogħol f’restaurant f’Marsalforn. Dan mhu minnu xejn. Sar sempliċement xogħol ta’ tisbiħ matul il-promenade pubblika f’art li hija parti mid-dominju pubbliku, kif sar fil-bajja kollha ta’ Marsalforn quddiem diversi ħwienet. Dan ix-xogħol hu kopert bil-permessi neċessari tal-MEPA, tal-MTA, tal-kunsill lokali taż-Żebbuġ, kopert bil-permessi tal-Lands, tal-KNPD u tat-Trasport Malta u jifforma parti mill-masterplan approvat għall-bajja ta’ Marsalforn. Kulma sar kien li għamilna l-paviment ta’ bankina fejn jistgħu jitpoġġew l-imwejjed u siġġijiet ta’ ristoranti kif għamilna xogħlijiet quddiem kull ħanut li hemm fil-bajja ta’ Marsalforn u fil-bajja tax-Xlendi.”
“Qalu li għamilt xogħol fix-Xatt l-Aħmar f’Għajnsielem. Hemm kien hemm problema kbira li kienet tinqala’ kull darba li tagħmel ix-xita. Kien qed jiżbroffa d-drenaġġ minn manhole fil-qrib u dan kien qed jikkaġuna ħsarat kbar fil-wiċċ tar-raba, tant li kull sena kien qiegħed jitħallas kumpens lis-sid tal-ħsara mill-Gvern minħabba din ir-raba. Kulma sar hemmhekk, biex il-Gvern ma jkomplix iħallas kumpens ta’ kull sena, kien li nbena ħajt tas-sejjieħ biex b’hekk id-drenaġġ ma jibqax jiskula f’din ir-raba.”
“Dwar ix- xogħlijiet fl-Għasri ma sarux fil-privat imma saret fil-farm access road miftuħa għall-pubbliku u ngħid li għal dan il-vot l-Ministeru ta’ Għawdex għandu vot bin-numru 7,117. Allegazzoni oħra hija li għamilna xogħlijiet fid-drive-in f’Kerċem Għawdex. Dan assolutament mhux minnu, saru dikjarazzjonijiet mis-sidien t’hemmhekk, li sar biss hemmhekk l-bankina. Għandi stqarrija ffirmata minn Mario Azzopardi, Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem, Sindku Nazzjonalista li jgħid hekk dwar rampa fit-Triq is-Summien li kkonferma li f’laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem tal-31 ta’ Mejju, 2011 l-Kunsill kien iddeċieda li jagħmel rampa tas-Sur Joe Vella fit-Triq is-Summien, Kerċem. Dan peress li dak iż-żmien il-Kunsill Lokali kien għadu kemm għamel xogħlijiet fit-triq li jirriżultaw f’diżlivell fit-triq u fil-katusi tal-ilma. Għalhekk saret talba mis-Sur Joe Vella u xi residenti oħra sabiex isiru katusi ġodda għas-spejjeż tar-residenti u r-rampi għas-spejjeż tal-kunsill lokali. Wara din id-deċiżjoni l-kunsill ta’ dak iż-żmien għamel talba lis-CMU f’ħdan id-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp fil-Ministeru għal Għawdex sabiex jipprovdi l-materjal kif normalment isir. Wara l-elezzjoni tal-kunsill lokali tal-2012, dan ix-xogħol kien għadu ma sarx u għalhekk reġgħet saret it-talba lill-kunsill lokali mill-Sur Joe Vella u r-residenti involuti minn din it-triq. Għal darba’oħra l-kunsill lokali reġa’ talab lis-CMU sabiex dawn l-bankini jitranġaw.